Tnediet mill-ġdid l-iskema Voluntary Organisations Projects Scheme (VOPS) mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS). Din l-iskema għandha l-għan li tassisti finanzjarjament għaqdiet volontarji biex iwettqu l-ideat tagħhom u jsarrfuhom fi proġetti fil-komunità.
It-tnedija ta’ din l-iskema mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli, fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo, saret fit-Teatru Astra fir-Rabat, Għawdex, waqt żjara lis-Soċjetà Filarmonika La Stella. Permezz tal-VOPS, din l-għaqda investiet €40,000 f’żewġ proġetti infrastrutturali, li kienu jinkludu kemm rinnovar tas-sala fejn isiru l-provi u t-tagħlim mużikali u anki titjib ta’ faċilitajiet biex tittejjeb l-aċċessibbiltà tal-post.
Il-proġetti eliġibbli għall-VOPS jistgħu jkunu mill-oqsma kollha mis-settur tal-volontarjat, bħall-ambjent sostenibbli, l-arti, mużika, sport, edukazzjoni, kultura, drittijiet ċivili u l-qasam taż-żgħażagħ. Apparti hekk, għat-tieni sena konsekuttiva, parti mill-fondi se jkunu ddedikati għat-tisħiħ tal-inklużjoni relatat mas-saħħa u d-diżabbiltà biex jgħinu sabiex ikollna komunità aktar inklussiva.
Għal din is-sena reġa’ ġie allokat l-ammont ta’ €800,000, li ser ikun qiegħed jinqasam bejn l-għaqdiet volontarji li japplikaw b’suċċess għall-inizjattivi differenti, inkluż proġetti fil-komunità, inizjattivi ta’ infrastruttura, jew riċerka. Taħt din l-iskema tul dawn l-aħħar tmien snin ġew allokati madwar €7.3 miljuni.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret kif din l-iskema ħalliet proġetti ta’ fejda li minnhom qiegħed igawdi kulħadd. “Hekk kif għal sena oħra qed inniedu din l-inizjattiva, sodisfatta mill-impatt inkredibbli li dawn l-għaqdiet rnexxielhom iħallu fuq il-komunitajiet ta’ madwarhom. Din l-iskema hija xhieda tal-impenn tagħna li nagħtu s-setgħa lill-organizzazzjonijiet lokali biex jimplimentaw bidla sinifikanti u jindirizzaw il-ħtiġijiet tan-nies u ta’ dawk li jirrapreżentaw,” temmet tgħid il-ministru.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandalo qal, “Huwa ta’ pjaċir li nkomplu naraw, sena wara oħra, lil din l-iskema titħaddem u tkattar il-ġid.”
Il-ministru flimkien mat-tmexxija tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat żaru wkoll diversi għaqdiet volontarji fil-gżira Għawdxija. F’Ta’ Kerċem, iltaqgħu mal-Għaqda Festa Għajn Tuta, li grazzi għall-finanzjament mill-VOPS b’investiment ta’ €20,000, issa għandhom palk komplet b’rampi aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà biex jintuża f’attivitajiet kulturali differenti li jiġu organizzati fil-komunità.
F’Ta’ Kerċem, iltaqgħu wkoll mal-Għaqda tal-Armar Madonna tas-Sokkors, li wkoll b’appoġġ mill-VOPS wettqu proġett infrastrutturali ta’ madwar €20,000, li permezz tiegħu rrestawraw u għamlu numru ta’ xogħlijiet fuq il-faċċata taċ-Ċentru Parrokjali li l-għaqda tamministra.
L-applikazzjonijiet ser jintlaqgħu mill-Erbgħa 4 ta’ Settembru 2024 sa nofsinhar tal-Erbgħa 16 ta’ Ottubru permezz tas-sit elettroniku vofunding.org.mt. Se ssir ukoll laqgħa ta’ informazzjoni sabiex tkun ta’ gwida għall-għaqdiet matul il-proċess tal-applikazzjoni.
L-għaqdiet volontarji li japplikaw iridu jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.