“Ġib moħħok qabel l-emozzjonijiet”. Dan iddikjaratu l-Maġistrat Marse Ann Farrugia fil-Qorti, hekk kif kienet qed tipprosedi każ fil-konfront ta’ missier ta’ żewġt itfal żgħar li kien mixli li ħebb għal omm uliedu, bil-konsegwenza li din sofriet minn xi ġrieħi.
Fil-Qorti, ġie spjegat li l-każ seħħ fit-28 ta’ Diċembru, meta l-akkużat u l-eks sieħba ltaqgħu f’kaffetterija biex itia r-rigali tal-Milied li kien xtara għat-tfal. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Audrey Micallef spejgat li l-allegata vittma għamlet rapport mal-Iskwadra kontra l-Vjolenza Domestika u mill-assessjar li sar mis-social workers tal-Aġenzija Appoġġ irriżulta li tinsab f’periklu estrem għalhekk sar rikors għal mandat t’arrest.
Mal-Ispettur, l-akkużat ilmental i kellu xi uġigħ f’sidru u minħabba l-istess raġuni, dan ittieħed fiċ-ċentru tas-saħħa fil-Furjana fejn ġie riferut għall-Isptar Mater Dei u hemmhekk ġie eżaminat minn psikjatra li rreferieh għall-isptar Monte Karmeli.
Id-Difiża mmexxija mill-avukat Yanika Barbara Sant ġie spjegat li l-allegata vittma ċaħdet lill-akkużat minn kull involviment ma’ wliedu, li ilu ma jara tliet xhur. Qalet li ilhom għaddejjin minn ħafna problemi u li l-eks sieħba ma taċċettax li hu għandu relazzjoni tajba ma’ oħtu u ommu, li kienu preżenti fl-awla.
Fil-Qorti, ġie nnutat li l-akkużat beda jolfoq meta l-avukat bdiet tispjega li omm uliedu qed iċċaħdu minnhom u li lanqas jaf jekk ibnu ta’ 8 xhur ġiex mgħammed jew le.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet, fosthom li ma jagħmel l-ebda kuntatt mal-allegata vittma u li jiffirma fl-għassa.