Monday, November 4, 2024

Grawnd tal-futbol għall-istudenti u l-komunità b’investiment ta’ madwar €14.3 miljun

Aqra wkoll

Għaddej b’ritmu mgħaġġel il-proġett tal-bini ta’ grawnd tal-football ġdid b’investiment ta’ madwar €14.3 miljun li permezz tiegħu se jgawdu kemm l-istudenti kif ukoll il-komunità tan-Naxxar.

Waqt żjara fuq is-sit fejn se jsir dan il-proġett, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li dan il-proġett se jwassal biex it-tfal ta’ din il-lokalità jkunu jistgħu jitħarrġu b’mod sigur u f’ambjent sabiħ. Proġett li permezz tiegħu se tiġi mwettqa wkoll wegħda elettorali oħra.

“L-investiment li qed nagħmlu huwa wieħed dirett fit-tfal tagħna. Proġett li se jakkomoda l-bżonnijiet tas-sistema edukattiva ta’ pajjiżna u l-aspett sportiv li joffri l-klabb tal-football tan-Naxxar Lions. Matul il-ġurnata dawn il-faċilitajiet sportivi se jkunu jistgħu jintużaw mill-istudenti tal-iskejjel tal-madwar filwaqt li wara l-ħin tal-iskola jiġi mmassimizzat l-użu mit-tfal tan-nursery tal-klabb,” sostna l-Ministru Grima.

Il-Ministru qal li l-investiment infrastrutturali li qed isir fis-settur tal-isport huwa bla preċedent. Investiment li mhux biss huwa marbut ma’ faċilitajiet sportivi nazzjonali, li ngħataw livell internazzjonali, imma qed isir investiment fl-infrastruttura sportiva fis-settur edukattiv. “Dan qed nagħmluh għaliex nemmnu li għandna nipprovdu l-faċilitajiet sportivi, faċilitajiet għal attività fiżika u ta’ rikreazzjoni fl-iskejjel li wkoll ikunu ta’ kwalità,” qal il-Ministru Grima.

Il-Ministru semma l-investiment ta’ €1 miljun fuq proġetti ta’ grawnds sportivi fl-iskejjel, bil-għan li tittejjeb l-infrastruttura sportiva fl-iskejjel tal-Istat kemm għal skopijiet ta’ rikreazzjoni kif ukoll biex jitjieb il-livell tal-edukazzjoni sportiva. Semma wkoll proġett fuq skala akbar, fl-iskola sekondarja ta’ Santa Luċija fi ħdan il-Kulleġġ San Tumas More fejn kien hemm investiment ta’ €4.6 miljun f’sala teatru u faċilitajiet sportivi mill-isbaħ għall-ġid tal-istudenti, tal-edukaturi u tal-komunità.

Fil-kumpless edukattiv fin-Naxxar qed jinbena grawnd li se jikkumplimenta l-faċilitajiet sportivi eżistenti fil-cluster ta’ skejjel li hemm fin-Naxxar, prinċipalment Giovanni Curmi Higher Secondary School, l-Iskola Medja fil-Kulleġġ Maria Reġina, u l-Language Induction Hub li jifforma parti mill-istess Kulleġġ.

Dan il-grawnd se jkun mifrux fuq 9,800 metru kwadru u se jkun jinkludi pitch għal-logħob 11-a-side u stand għall-ispettaturi. Apparti dawn, bosta faċilitajiet oħrajn fosthom gymnasium, faċilitajiet sanitarji, showers u changing rooms. Taħt il-grawnd se jkun hemm parkeġġ għal madwar 500 karozza.

Ix-xogħol ta’ skavar tas-sit, kif ukoll tal-mina li se tgħaqqad il-grawnd mal-iskola, kienu lesti f’Ottubru 2023, u f’Novembru li għadda bdiet il-kostruzzjoni.

Sport