Thursday, April 18, 2024

Graziella Galea tieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Membru Parlamentari

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Perit Graziella Galea ħadet il-ġurament tal-ħatra bħala Membru Parlamentari. Hija se tkun qiegħda tieħu post David Thake li fl-aħħar jiem irriżenja minn Membru Parlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista.

F’kelmtejn li għamlet tal-okkażjoni, Graziella Galea qalet li tinsab onorata li se tkun qiegħda sservi fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Hija qalet li aktar kmieni llum tat ir-riżenja tagħha fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar fejn serviet matul l-aħħar 14-il sena kemm bħala Kunsillier kif ukoll bħala Sindku. 

Galea rringrazzjat lir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar tal-fiduċja li wrew fiha matul is-snin li għaddew u lir-residenti tat-12-il Distrett kif ukoll lill-familjari tagħha tal-appoġġ kollu tagħhom.

“Ilkoll nafu li l-politika tinvolvi ħafna xogħol u ħin u ftit jibqgħalek ħin għalik innifsek, għalhekk nixtieq ngħaddi messaġġ ta’ apprezzament lil kull min jidħol għal din ir-responsabbiltà.”

“Nittama li issa fil-ġimgħat li għandi quddiemi, inservi f’dan il-Parlament, inkun il-vuċi tal-elettorat bl-aħjar mod u minn din il-Kamra nwassal il-messaġġ taċ-ċittadin. Inħares ‘il quddiem biex f’din il-kamra naħdmu flimkien għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdin,” temmet tgħid Galea.

Ekonomija

Sport