Thursday, March 28, 2024

Inizjattiva biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn pajjiżi Għarab u dawk tal-UE dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità

Aqra wkoll

Biex  tinsisti  għal aktar inklużjoni ekonomika u soċjali ta’ persuni b’diżabilità, il-Kummissjoni Ekonomika u Soċjali tal-Ġnus Magħquda għall-Asja tal-Punent tal-Ġnus Magħquda (ESCWA), f’koperazzjoni mal-Ministeru  għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat (MIWV) tar-Repubblika ta’ Malta u r-Rapporteur Speċjali tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, ħabbru l-firma ta’ ittra ta’ qbil fir-rigward tal-‘Forum ta’ Kooperazzjoni UE-Dinja Għarbija dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità’.

Il-forum ser irawwem sforzi kollaborattivi fl-Unjoni Ewropea u fir-reġjun Għarbi għall-iskambju ta’ politika, il-koperazzjoni teknika, il-bini ta’ kapaċità u r-riċerka, sabiex jiġu rispettati aktar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.

Matul ċerimonja virtwali, is-Segretarju Eżekuttiv tal-ESCWA Rola Dashti enfasizzat l-impenn tal-ESCWA li tinkludi persuni b’diżabilità fl-isforzi kollha għall-iżvilupp u li tippromwovi l-Istrateġija tal-Ġnus Magħquda għall-Inklużjoni u d-Diżabilità (UNDIS). “L-istrateġija hija l-pedament għal progress sostenibbli u trasformattiv fir-rigward tal-inklużjoni tad-diżabilità fil-pilastri kollha tal-ħidma tal-Ġnus Magħquda: il-paċi u s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp,” żiedet tgħid.      

In-Netwerk ta’ Riċerka Dinja Għarbija-UE dwar id-Diżabilità se jkun l-ewwel inizjattiva tal-forum u se jappoġġa r-riċerka, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-kurrikulu bħala xprun għal bidla.

“Huwa definittivament unur li nara t-tnedija tan-Netwerk ta’ Riċerka dwar id-Diżabilità. F’April tal-2019, Malta għal darb’oħra wriet ruħha bħala xprun għad-djalogu bejn l-Ewropa u d-dinja Għarbija billi laqqgħet flimkien partijiet interessati ewlenin biex jiddiskutu u jaqblu li jaħdmu flimkien fuq għan komuni – id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità,” qalet il-Ministru Julia Farrugia Portelli. “Permezz ta’ dan in-netwerk ta’ riċerka, qed nistabbilixxu inizjattiva prattika biex niżguraw li l-aħjar imħuħ fir-reġjun ikunu jistgħu jaħdmu flimkien u joħorġu b’soluzzjonijiet dejjiema li jkunu ta’ benefiċċju għall-ħajja tal-persuni b’diżabilità u għall-familji tagħhom”.

Ir-Rapporteur Speċjali tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Gerard Quinn enfasizza l-irwol tal-forum fl-influwenzar tal-politika fl-Ewropa, fir-reġjun Għarbi u lil hinn minnu, filwaqt li enfasizza wkoll il-ħtieġa għal riċerka biex tinforma u tmexxi l-bidla b’reazzjoni għall-isfidi globali.

In-Netwerk ta’ Riċerka Dinja Għarbija-UE li għadu kif ġie stabbilit se jagħmel sejħa għal dokumenti ta’ riċerka dwar id-Dritt għal Ħajja Indipendenti fi ħdan il-Komunità, kif stipulat taħt Artikolu 19 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Ir-riċerka magħżula se tiġi ppreżentata f’simpożju skedat għat-tieni nofs tal-2022.

Ekonomija

Sport