Il-Pajjiż għandu bżonn li l-Parlament jibqa’ ħaj matul is-sajf. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt intervista li saritlu l-Ħadd filgħodu fuq il-programm Analiżi.
Grech sostna li Malta tmur aħjar jekk tagħti prijoritá lit-turisti ta’ kwalità minflok turisti li ma jagħtux il-kontribut tagħhom għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Kien hawn fejn irrimarka li qed jittama li fil-Baġit li ġej, il-Gvern jammetti li hemm bżonn li jinbidel il-mudell ekonomiku u kif se jwettaq dan.
Fl-intervista, il-Kap tal-PN saħaq li l-partit mmexxi minnu se jkompli jiġġieled sakemm dan il-pajjiż jerġa’ jkun sigur bil-poplu jkollu serħan tal-moħħ. Huwa fakkar fil-proposti tal-PN b’rabta mal-għoli tal-ħajja fost l-oħrajn li jkollna mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwalità minflok fuq il-kwantità, li l-COLA ma tkunx intaxxata, li jkun hemm Fond Nazzjonali li jgħin lil min jesporta kif ukoll lil min jimporta u li jkollna setturi ekonomiċi ġodda.