“Nixtieq ngħidilkom grazzi kbira, għax illum li tkun ġenitur hu att ta’ kuraġġ.” Hekk stqarr Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex, waqt l-omelija tal-Ħadd li għadda tat-Tberik tat-Trabi fil-Ġuf fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu.
It-tberik tat-trabi fil-ġuf daħal sew fil-kalendarju tad-Djoċesi ta’ Għawdex hekk kif kull sena, dawn il-persuni li jkunu qegħdin jistennew tarbija jiġu mistiedna biex jattendu quddiesa li tkun iċċelebrata minn Mons. Isqof.
L-Isqof ta’ Għawdex tenna li Malta hija wieħed minn dawk il-pajjiżi fejn ir-rata tat-twelid qiegħda kulma jmur tonqos. “Allura nixtieq ngħidilkom grazzi ta’ dan l-att ta’ kuraġġ li qegħdin tagħmlu. Qiegħed nara wħud minnkom, anzi ħafna minnkom, bit-tfal diġà”, qal l-Isqof t’Għawdex lill-ġenituri li qegħdin jistennew tarbija u li attendew għall-quddiesa.

Waqt l-istess omelija, l-Isqof Teuma qal li jekk il-ġenituri għadhom ma għażlux isem għal wild tagħhom tkun ħaġa sabiħa jekk jintgħażel wieħed mill-kotba tal-Vanġelu. Ħaġa sabiħa li jingħażel isem mill-ispettaklu jew mill-isport ukoll, imma tkun tassew sabiħa li jingħata isem li jinsab fil-Kotba Mqaddsa, mill-Iskrittura.
Mons. Isqof semma kif il-mentalità tal-lum, li wieħed ikollu t-tfal huwa mpenn u dan ibeżża’ mhux ftit għaliex huwa impenn ekonomiku, impenn b’dedikazzoni kbira min-naħa taż-żewġ ġenituri biex ilaħħqu mal-isifidi tal-ħajja. Iżda huwa fakkar fid-diffikultajiet li kienu jgħixu missirijietna u ommijietna kienu jtellgħu u jrabbu, mhux biss wieħed jew żewġt itfal imma ħafna iktar.
“Dak li jiġi fil-ġuf tagħkom huwa verament rigal, don”
L-Isqof Teuma fakkar ukoll li “llum, aktar minn qatt qabel – u din hija esperjenza li forsi wħud minnkom għaddejtu minnha – dak li jiġi fil-ġuf tagħkom huwa verament rigal, don. Ma jiddependix biss minna, imma huwa don li jiġi minn xi mkien ieħor. Mhux kemm tfaqqa’ subgħajk, jew kemm tagħmel deċiżjoni u jiġi kollox kif tixtieq jew trid int.
Huwa rigal, u allura għandkom verament għalfejn tirringrazzjaw lil Alla, li tħossukom magħżulin bħal dawn it-Tnax imsemmija fil-Vanġelu. Ġesù jagħżel tnax, u kif smajna wkoll fl-Ewwel Qari (Eż 19:2-6a), Alla jagħżel il-poplu ta’ Iżrael. Ġesù qiegħed jagħżel lilkom biex tkunu tistgħu tkomplu dan l-att sabiħ tal-ħolqien, tal-Missier.”

