Monday, September 23, 2024

“Ħadd ma jista’ jgħinek”-l-akkużat lil waħda mill-vittmi

Ikompli l-każ ta’ raġel mixli li stupra tliet nisa fi ħwienet tal-massaġġi

Aqra wkoll

Il-Qorti semgħet kif raġel allegatament qal lil mara li taħdem f’ħanut tal-massaġġi li “ħadd ma jista’ jgħinha” filwaqt li daħħalha f’kamra u pprova jistupraha. 

Harona Conateh ta’ 32 sena mill-Gambja, qed ikun mixli li stupra tliet nisa fi ħwienet tal-massaġġi differenti f’Tas-Sliema u f’Birkirkara. L-allegati każi seħħew f’Ġunju u Lulju ta’ din is-sena. 

F’seduta li damet għaddejja sitt sigħat, permezz ta’ video conference, waħda mill-allegati vittmi qalet li hija provat tirreżisti lill-imputat meta kienet mal-art. 

Il-Qorti semgħet lill-mara tirrakkonta kif fl-10 ta’ Lulju li għadda, għall-ħabta tal-4.30 p.m., raġel daħal fil-ħanut tal-massaġġi fejn taħdem f’Birkirkara u staqsieha kemm kienu jiswew il-massaġġi u hi qaltlu €35 għal siegħa. Huwa allegatament kien weġibha: “€35 bis-sess tajjeb?”.

Wara li qaltlu li xogħolha kien biss dak li tagħmel il-massaġġi, hija tagħtu ‘business card’ għaliex kienet qed tistenna li jiġi klijent ieħor. Madanakollu huwa reġa’ rritorna għaxar minuti wara. 

Spejgat li ppruvat tfehmu bil-kelma t-tajba iżda dan ma bediex jifhem. Qalet li meta qabdet id-djarju biex tara x’għandha bħala appuntamenti, dan tajjarulha minn idha u li allegatament qabadha minn idha, bl-id l-oħra mblokka l-bieb. 

Il-vittma kompliet tgħid kif f’dan il-mument, Harona ħatfilha n-nuċċali tal-vista u ramiehula. Ir-raġel mill-ġdid qabadha minn idha t-tnejn u ġibidha bil-forza lejn waħda mill-kmamar.

Il-vittma sostniet li ppruvat tirreżistih iżda tenniet li huwa kien iktar b’saħħtu, tant li rnexxielu jkaxkara sal-kamra waqt li qalilha li ma kien se jiġri xejn billi għamillha hekk sabiex ittih “massage.”

Il-mara żiedet li ma felħitx tnissel kelma, iżda ġieha f’moħħha li taħtaf vażun taċ-ċeramika minn taħt il-‘couch’ u titfagħhulu għal wiċċu, iżda l-akkużat irnexxielu jaqbdu mingħajr ma jintlaqat. Kien hawn fejn allegatament taha daqqtejn ta’ ponn f’għajnejha x-xellugija.

Il-mara bdiet tgħajjat għall-għajnuna filwaqt li provat tagħtih xi daqqiet b’sieqha. Ir-raġel allegatament baqa’ jħebb għaliha u jgħidilha “ħadd ma jista’ jgħinek.”

Kompliet tallega li r-raġel ħatafha mill-għaksa u neżżagħha kompletament. Spjegat ukoll li f’dak il-mument, l-imputat ipprova jsikkitha hekk kif poġġielha biċċa drapp f’ħalqha iżda hi rreżistiet. 

Qalet li minkejja li provat iżżomm saqajha magħluqin biex tirreżisti l-istupru, ir-raġel allegatament beda jmissha viċin ħafna tal-parti tagħha b’idu. Mit-tieqa tal-kamra, il-mara semgħet ħsejjes minn barra u qalet lill-aggressur li kien wasal il-klijent tagħha. Jidher li r-raġel x’aktarx ippanikkja u kien għalhekk li telaq mill-ħanut.

Il-każ ikompli.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Avukati Angele Vella u Nicholas De Gaetano f’isem l-Avukat Ġenerali. Dan filwaqt li għall-imputat qed tidher l-Avukat Ilona Schembri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport