Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-impjegati tal-aġenzija Identità li jipprovdi diversi titjib u benefiċċji għall-impjegati kollha. B’effett minn Jannar ta’ dis-sena, il-ħaddiema li jibbenefikaw minn dan il-ftehim se jirċievu żieda sostanzjali fil-kundizzjonijiet u salarji tagħhom. Barra minn hekk, għall-ewwel darba, dan il-ftehim qed jintroduċi performance bonus għall-gradi kollha tal-ħaddiema. Din iż-żieda hija maħsuba biex tinċentiva l-eċċellenza, filwaqt li tirrikonoxxi r-responsabbiltajiet li l-ħaddiema jġorru fit-teħid tad-deċiżjonijiet.
Il-ftehim kollettiv, validu għal erba’ snin, ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv ta’ Identità, Steve Agius u s-Segretarju tat-taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU Kendrick Bondin. L-iffirmar sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri li qal li l-ftehim il-ġdid se joħloq ambjent aħjar għall-ħaddiema sabiex ikomplu jtejbu s-servizz lill-pubbliku.
“Aktar minn 300 ħaddiem ta’ Identità se jaraw il-kundizzjonijiet u d-drittijiet tagħhom jitjiebu b’opportunitajiet akbar għall-karriera personali waqt li jħarsu s-saħħa mentali,” qal il-Ministru Byron Camilleri filwaqt li tenna li dan huwa wieħed minn diversi ftehimiet kollettivi li ġew konklużi fl-aħħar żmien.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Identità Steve Agius qal li l-ftehim huwa xhieda tar-rieda tal-aġenzija li tħares il-benesseri u ssaħħaħ l-iżvilupp professjonali tal-impjegati. “It-titjib deskritt fil-ftehim jirrifletti l-impenn tagħna li nrawmu ambjent tax-xogħol pożittiv u nirrikonoxxu l-kontribuzzjonijiet siewja tal-membri tat-tim tagħna.”
Il-ftehim kollettiv il-ġdid joffri, fost l-oħrajn, boroż ta’ studju fil-Livelli 5, 6 u 7 tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki (MQF), u jippromwovi tagħlim kontinwu u żvilupp professjonali tal-ħaddiem. Bħala turija tal-impenn tal-aġenzija li tappoġġja ħaddiema li jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom, l-impjegati rreġistrati f’korsijiet f’dawn il-livelli jistgħu jibbenefikaw ukoll minn leave ta’ studju ta’ ħamest ijiem fis-sena, li jippermettilhom ħin biex jippreparaw għall-eżamijiet u assignments.
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv il-ġdid kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Joyce Dimech u s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja.