Saturday, December 14, 2024

“Hemm konsegwenzi mill-pandemija li ma jisparixxux mil-lum għal għada”

Aqra wkoll

Jgħid dan il-President tal-GWU, Victor Carachi, fil-messaġġ għall-Ewwel tas-Sena

“Nisperaw li sar-rebbiegħa tal-2021, nibdew nerġgħu lura għan-normalità. Madankollu, wieħed irid iżomm f’moħħu li minbarra dawk li tilfu ħajjithom u l-qraba tagħhom hemm konsegwenzi oħra li ma jisparixxux mil-lum għall- għada, bħalma huma dawk il-problemi relatati mas-saħħa mentali u impjiegi mitlufa, partikolarment fis-settur tal-ospitalità u f’setturi oħra tal-ekonomija.”

Dan sostnieh il-President tal-General Workers Union (GWU), Victor Carachi fil-messaġġ għall-ewwel tas-sena.

Hu beda l-messaġġ billi qal li “s-sena 2020 ser tibqa’ mfakkra għal ħafna snin li ġejjin sfortunatament għar-raġunijiet żbaljati. Kienet sena ħażina l-aktar minħabba l-pandemija fejn Malta ntlaqtet ukoll bħal kull pajjiż ieħor fid-dinja. Dan kellu wkoll impatt negattiv fuq l-ekonomija tagħna u l-finanzi pubbliċi li kienu sejrin daqshekk tajbin għal dawn l-aħħar 7 snin. Madankollu, l-agħar milquta kienu dawk il-familji li tilfu lill-għeżież tagħhom u żgur li għalihom aktar mill-bqija minnha, dan l-istaġun tal-festi huwa ferm differenti minn dak tas-snin ta’ qabel.”

Enfasizza li “l-gvern, bħal kull gvern sensibbli ieħor, ipprova jsib bilanċ bejn is-saħħa pubblika, l-impjiegi, u l-ekonomija. Ma kien hemm u għad m’hemm l-ebda manwal dwar kif dan jista’ jinkiseb. Kif jghidu bl-ingliz with hindsight kullhadd jista jsir espert fi kwalunkwe qasam u ma jagħmel l-ebda żball! Kienet ħasra kbira li kellna NGO, li suppost taf aħjar, milli tifrex il-mibegħda lejn il-Prim Ministru u l-gvern. Illum il-ġurnata bit-teknoloġija tal-internet, wieħed jista’ faċilment jiċċekkja kif sejrin pajjiżi oħra fid-dinja. Fiċ-ċirkostanzi diffiċli ħafna, bħala pajjiż sejrin tajjeb meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra b’ħafna aktar riżorsi minn tagħna kemm fl-UE kif ukoll aktar ‘l bogħod  minnha. Waqt li qed nikteb dan il-messaġġ, huwa mistenni li jkun approvat vaċċin iehor mir-regolatur tal-UE u tnejn oħra fil-bidu tas-sena 2021. Nisperaw li sar-rebbiegħa tal-2021, nibdew nerġgħu lura għan-normalità. Madankollu, wieħed irid iżomm f’moħħu li minbarra dawk li tilfu ħajjithom u l-qraba tagħhom hemm konsegwenzi oħra li ma jisparixxux mil-lum għal għada, bħalma huma dawk il-problemi relatati mas-saħħa mentali u impjiegi mitlufa, partikolarment fis-settur tal-ospitalità u f’setturi oħra tal-ekonomija.”

Ikompli jgħid li “rigward is-suq tax-xogħol fil-pandemija li qed ngħixu, il-gvern irid ikun imfaħħar fejn qed jieħu diversi miżuri finanzjarji, inkluż il-patt soċjali storiku biex ikunu protetti l-impjiegi. Li kieku dawn l-inizjattivi ma ttiħdux, il-pajjiż kien ikun f’qagħda ferm agħar fir-rigward tal-qgħad, il-faqar, u s-saħħa tas-soċjetà. Dawn l-inizjattivi ppermettew lil min iħaddem, partikolarment fis-settur tal-ospitalità, biex jibqgħu għaddejjin kif ukoll iżommu l-impjegati. Dan sakemm l-effetti negattivi tal-pandemija jkunu mrażżna lokalment biex l-ekonomija taqbad ir-ritmu u tagħtina vantaġġ kompetittiv fuq il-kompetituri tagħna.”

Jisħaq li “fl-aħħar nett nisperaw li s-Sena l-ġdida tkun  ta’ tama li l-agħar tal-pandemija jkun għadda u l-ħajja terġa’ tiġi għan-normal kemm jista’ jkun malajr u nibdew napprezzaw l-affarijiet iż-żgħar fil-ħajja li dejjem ħadna for granted! F’isem il-Kunsill Nazzjonali u l-Amministrazzjoni Ċentrali tal-GWU, nixtieq nieħu din l-opportunità li nawguralkom is-Sena t-Tajba lill-poplu kollu, partikularment lil dawk li fis-sena 2020 tilfu lill-għeżież tagħhom.”

Ekonomija

Sport