Sunday, May 5, 2024

ĦIDMA GĦAL AKTAR RIFORMI LI JSAĦĦU L-UGWALJANZA 

Aqra wkoll

Matul is-snin, f’pajjiżna komplew jiddaħħlu għadd ta’ riformi u liġijiet li kienu intiżi biex isaħħu l-ugwaljanza. Kienu miżuri li permezz tagħhom qed ikompli jintlaħqu l-miri għal Malta dejjem aktar ugwali, irrispettivament mis-sess, twemmin, razza jew etniċità. 

Il-Partit Laburista, sa minn twelidu, dejjem ħadem u stinka sabiex mill-gvern, jelimina kwalunkwe diskriminazzjoni minn fost is-soċjeta, mhux l-inqas fuq nies ġejjin mill-komunità LGBTIQ+. Fl-istess ħin, introduċa wkoll drittijiet ċivili ġodda li qegħdin jissarrfu f’ugwaljanza sħiħa fil-ħajja ta’ kuljum. 

Wieħed jista’ jinnota b’sodisfazzjon li f’dan il-qasam pajjiżna reġa’ għal darba oħra kklassifika fil-quċċata f’dawk li huma drittijiet LGBTIQ+. Fil-fatt, skont ir-rapport tal-ILGA Rainbow Map & Index din kienet it-tmien sena konsekuttiva li Malta żammet postha fuq quddiem nett fost 49 pajjiż tal-Ewropa u l-Ażja Ċentrali fir-rigward tal-Ugwaljanza LGBTIQ+.

Fl-istess rapport jiġi innutat li Malta tipprovdi protezzjoni legali f’diversi oqsma ta’ ugwaljanza u non-diskriminazzjoni fosthom il-familja, reati ta’ mibegħda u diskors ta’ mibegħda, rikonoxximent legali tal-ġeneru, integrità tal-ġisem intersesswali, spazju tas-soċjetà ċivili u ażil. 

Hawn ta’ min jinnota wkoll li l-Gvern se jkun qiegħed jaħdem sabiex jipprovdi aktar protezzjoni legali għall-persuni LGBTIQ+, b’mod partikolari fil-leġiżlazzjoni li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-prodotti u s-servizzi u t-twaqqif ta’ korp ta’ ugwaljanza b’mandat espliċitu għal raġunijiet ta’ SOGIGESC (orjentazzjoni sesswali, identità tal-ġeneru, espressjoni tal-ġeneru, karatteristiċi tas-sess).

Dan apparti li fil-jiem li ġejjin mistennija li tiġi varata l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza LGBTIQ+ għall-perjodu 2023-2027 filwaqt li għaddejjin ġmielhom il-preparamenti għall-EuroPride Valletta li se ssir f’Settembru li ġej.

Minkejja dawn l-iżviluppi għad jonqos x’isir f’dik li hija ugwaljanza bejn is-sessi fosthom id-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa. Fiduċjużi li meta jasal dan il-mument, il-Gvern se jkun qiegħed jindirizza din il-kwistjoni għalkemm hawn jidħlu wkoll l-imsieħba soċjali li l-kontribut tagħhom huwa essenzjali. 

Għalhekk filwaqt li nirrikonoxxu l-avvanzi kbar li saru f’dawn l-oqsma, nemmnu li r-riformi ma jistgħux jieqfu u jridu jkomplu jsiru biex tassew kulħadd igawdi minnhom. Inħarsu ‘l quddiem għal aktar ħidma li se ssarraf f’aktar drittijiet u ugwaljanza.

Sport