Thursday, April 24, 2025

Iċċelebrata l-festa ta’ San Girgor

Aqra wkoll

Il-festa ta’ San Girgor, li tiġi ċċelebrata l-ewwel Erbgħa fuq l-Għid il-Kbir, ġibdet lejha bosta Maltin u anke turisti lejn il-lokalitajiet taż-Żejtun u Marsaxlokk. Din il-festa, li tmur lura bosta snin saħansitra għas-seklu 16, hija magħrufa wkoll li fiha ssir l-ewwel għawma. 

Il-ġurnata tal-bieraħ bdiet b’mixja simbolika mill-Imdina saż-Żejtun. Fiż-Żejtun imbagħad ittellgħu bosta attivitajiet fosthom spettaklu mill-Isbandieratori di Faenza biswit il-Knisja ta’ San Girgor. Għall-ewwel darba saret ukoll infjorata fuq iz-zuntier ta’ din il-Knisja fejn il-pubbliku nnifsu seta’ wkoll jipparteċipa. 

Ma naqsux ukoll l-attivitajiet fil-ġonna tal-madwar fosthom fi Ġnien il-Kmand u anke fi Ġnien l-Għannejja. Bla dubju, f’din il-festa mdorrijin nisimgħu l-għana Maltija li saret fl-akkwata tal-pjazza ta’ San Girgor filwaqt li kien hemm ukoll preżentazzjoni tal-ftira Maltija.

Wara li ġew fi tmiemhom l-attivitajiet fiż-Żejtun, l-attenzjoni daret fuq Marsaxlokk fejn ma naqsux l-attivitajiet li kienu jinkludu mużika, ikel tradizzjonali u anke għana. Anke hawn l-attendenza kienet waħda numeruża.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport