Sunday, December 22, 2024

Id-Dipartimenti tal-Kardjoloġija u tad-Dijabete fl-Isptar Mater Dei ddikjarati Ċentri t’eċċellenza

Aqra wkoll

Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li d-Dipartimenti tal-Kardjoloġija u tad-Dijabete fl-Isptar Mater Dei ġew rikonoxxuti bħala Ċentri ta’ Eċċellenza.

Id-Dipartiment tal-Kardjoloġija ġie rikonoxxut għat-teknoloġija iVAC 2L minn PulseCath. Dan huwa mexxej internazzjonali fit-teknoloġija kardjovaskulari u dan ir-rikonoxximent huwa xhieda tal-impenn tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija biex javvanza l-innovazzjoni medika u jtejjeb il-kura tal-pazjent. Dan l-intervent joffri assistenza u appoġġ lill-qalb waqt li jkunu għaddejjin proċeduri oħra fuq il-valvoli jew l-arterji kardijaċi.

PulseCath irrikonoxxew il-kisbiet fit-twettiq ta’ bosta proċeduri kumplessi mid-Dipartiment tal-Kardjoloġija. Qalu li l-kompetenza, l-innovazzjoni u l-impenn tad-Dipartiment biex javvanza fit-teknoloġija medika mhux biss għenu r-reputazzjoni tad-Dipartiment iżda kkontribwew ukoll b’mod sinifikanti għall-avvanz tal-kura tal-pazjent.

Id-Dipartiment tad-Dijabete, fi ħdan id-Dipartiment tal-Mediċina Interna, ġie wkoll rikonoxxut mill-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete (IDF), li jipprovdu servizzi komprensivi u edukazzjoni multidixxiplinarja, b’tim ta’ professjonisti tal-kura tas-saħħa li jaħdmu flimkien biex jipprovdu kura u edukazzjoni koordinati. 

Iċ-ċentru tad-Dijabete f’Mater Dei wettaq riċerka importanti dwar id-dijabete, li mhux biss saħħet l-għarfien dwar is-sitwazzjoni tad-dijabete lokali, iżda kkontribwiet ukoll biex tavvanza dak li hu magħruf dwar id-dijabete u l-immaniġġjar tagħha.

Dan ir-rikonoxximent ġie miksub grazzi għall-istandards għoljin u l-kriterji tal-għażla stabbiliti mill-IDF u fejn sal-lum, hemm biss 22 ċentru ieħor hekk rikonoxxut globalment. IDF qalet li tistenna bil-ħerqa li tilqa’ liċ-Ċentru tad-Dijabete f’Mater Dei bħala membru tan-network globali taċ-Ċentri tal-IDF, sabiex tkompli tibni l-kapaċità biex tagħti kura u edukazzjoni tad-dijabete ta’ kwalità fir-reġjuni rispettivi tagħhom.

Fi żjara li għamel fid-Dipartimenti tad-Dijabete u tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei, il-Ministru Jo Etienne Abela rringrazzja lill-professjonisti għall-ħidma tagħhom u awgura lilhom u dipartimenti oħra li jkomplu jipprovdu kura t’eċċellenza. “Aħna kburin bl-avvanzi li qed isiru f’dawn l-oqsma u ċert li dan ir-rikonoxximent ser jissarraf f’ħafna ġid għall-Għawdxin u l-Maltin,” temm jgħid il-Ministru Abela.

Ekonomija

Sport