Wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-konsumaturi huwa d-dritt għall-informazzjoni. Dan id-dritt jiżgura li l-konsumaturi jingħataw l-informazzjoni kollha neċessarja u meħtieġa dwar il-prodotti jew servizzi li jkunu jridu jixtru sabiex ikunu jistgħu jagħmlu deċiżjoni ta’ xiri infurmata.
Bla dubju, il-prezz huwa fost l-aktar informazzjoni importanti li konsumatur jeħtieġ qabel jixtri. Fil-fatt il-prezz spiss ikun wieħed mill-fatturi ewlenin li fuqhom il-konsumaturi jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom dwar jekk jixtrux prodott jew servizz partikolari. X’tgħid il-liġi dwar l-indikazzjoni tal-prezzijiet, u x’inhuma d-drittijiet tal-konsumaturi f’dan ir-rigward?
L-ewwel nett tajjeb li l-konsumaturi jkunu konxji li, għalkemm xi drabi jistgħu jħossu li l-bejjiegħa qed iżommulhom prezz għoli ħafna, fil-verità m’hemm l-ebda liġi li tikkontrolla kemm jinbiegħu l-prodotti jew servizzi. Dan ifisser li l-bejjiegħa huma liberi li jiffissaw il-prezzijiet tagħhom skont il-kundizzjonijiet tas-suq u l-istrateġija kummerċjali tagħhom. B’riżultat ta’ dan il-konsumaturi jaf isibu l-istess prodotti immarkati bi prezzijiet differenti mingħand bejjiegħa differenti. F’dan il-kuntest, il-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw minn suq ħieles u kompetittiv billi jqabblu l-prezzijiet qabel jixtru.
Sabiex il-konsumaturi tassew ikunu jistgħu jqabblu l-prezzijiet b’mod effettiv u jagħmlu għażliet infurmati, il-bejjiegħa huma legalment obbligati li jindikaw il-prezzijiet tal-prodotti kollha offruti għall-bejgħ b’mod ċar, viżibbli u li jkunu jistgħu jinqraw faċilment mill-konsumaturi. Dan jippermetti lill-konsumaturi jkunu jafu minn qabel kemm se jħallsu għal prodott u jqabblu malajr il-prezzijiet offruti minn bejjiegħa differenti. Dan l-obbligu legali huwa stabbilit fir-Regolamenti dwar l-Indikazzjoni tal-Prezzijiet.
Barra minn hekk, il-prezz indikat għandu jkun il-prezz finali li l-konsumatur ser iħallas. Dan ifisser li l-prezz għandu jinkludi l-VAT kif ukoll kwalunkwe spiża oħra obbligatorja , bħal pereżempju l-prezz tal-kunsinna jew installazzjoni. Dawn l-istess regolamenti jistipulaw ukoll li l-prezz għandu jkun indikat direttament fuq il-prodott. Madankollu, meta jkun hemm iktar minn prodott wieħed tal-istess għamla, daqs u ditta, il-prezz jista’ jkun indikat fuq l-ixkaffa fejn ikun eżibit il-prodott.
F’każ ta’ prodotti li jinbiegħu skont il-piż jew volum, ir-regolamenti jobbligaw lill-bejjiegħa jindikaw żewġ prezzijiet: il-prezz tal-unità kif ukoll il-prezz finali tal-prodott. Dawn iż-żewġ prezzijiet għandhom ikunu indikati wkoll fuq prodotti li jkunu diġà ppakkjati, inkluż prodotti tal-ikel li jinbiegħu f’piżijiet jew kwantitajiet differenti. . Fir-rigward ta’ prodotti tal-ikel solidi ppreservati f’likwidu, bħal per eżempju tonn fiż-żejt, il-prezz tal-unità għandu jkun jirreferi għall-piż tal-ikel mingħajr il-likwidu li jkun fih.
Il-prezz tal-unità qiegħed hemm sabiex jgħin lill-konsumaturi jqabblu l-prezzijiet b’mod aktar faċli u preċiż. Permezz tiegħu, il-konsumaturi jistgħu jqabblu l-prezz ta’ kull kilo jew litru għall-prodotti simili. Bil-liġi, il-bejjiegħa għandhom iniżżlu kemm il-pezz tal-unità, kif ukoll il-prezz finali tal-prodott. Għalkemm il-prezz tal-unità jista’ jkun immarkat b’tipa iżgħar mill-prezz attwali, xorta għandu jkun jinqara faċilment.
Filwaqt li r-Regolamenti tal-indikazzjoni tal-Prezzijiet japplikaw għall-prodotti, il-konsumaturi għandhom ukoll dritt li jkunu infurmati dwar il-prezz tas-servizzi li ser jixtru. Fil-fatt, ir-Regolamenti dwar il-Prattiċi Kummerċjali Inġusti jobbligaw lill-fornituri tas-servizzi sabiex jinfurmaw lill-konsumaturi dwar il-prezz tas-servizz qabel ikun konkluż il-kuntratt tax-xiri. Meta servizzi standard ikunu offruti għall-bejgħ, il-fornitur tas-servizz għandu jkollu lista tas-servizzi offruti flimkien mal-prezzijiet rispettivi tagħhom. Dan jippermetti lill-konsumaturi jiġbru l-informazzjoni li jkollhom bżonn qabel jikkommettu ruħhom.
F’każ ta’ ħwienet bħall-restoranti, gabbani, kafetteriji u bars, dawn għandhom jagħmlu lista bil-prezzijiet b’tali mod li l-konsumaturi ma jkollhomx għalfejn jidħlu fil-post biex jiċċekkjaw x’inhuma l-prezzijiet.
Id-Direttorat tal-Infurzar, fi ħdan l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur, huwa responsabbli biex jiżgura li dawn ir-regolamenti jiġu osservati mill-operaturi kummerċjali. Għal dan il-għan, isiru spezzjonijiet regolari ġewwa ħwienet u stabbilimenti kummerċjali madwar Malta u Għawdex.
Konsumaturi li jinnutaw ħwienet li ma jkunux qed jimxu ma’ dawn ir-regolamenti huma mħeġġa jirrapportaw dawn il-ħwienet lill-MCCAA. Rapport jista’ jsir billi timtela l-Contact Us Form disponibbli fuq il-websajt tal-MCCAA jew billi wieħed iċempel il-consumer helpline 80074400.
