Wednesday, December 25, 2024

Iffirmati diversi ftehim bejn Malta u ċ-Ċina għal koperazzjoni fis-setturi tal-edukazzjoni u sport

Aqra wkoll

Waqt żjara uffiċjali mmexxija mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima f’Beijing u Shanghai fiċ-Ċina, ġew iffirmati żewġ ftehim għat-tisħiħ tal-koperazzjoni fis-setturi tal-edukazzjoni u l-isport mal-Gvern Ċiniż, u 8 ftehim oħrajn ma’ diversi istituzzjonijiet edukattivi, filwaqt li sar qbil li jibdew diskussjonijiet oħrajn li għandhom iwasslu għal aktar ftehim ta’ koperazzjoni f’dawn is-setturi. Il-Ministru Grima indirizza wkoll lil akkademiċi u studenti dwar “L-Iżvilupp sħiħ taż-Żgħażagħ fis-Sistema Edukattiva”.

Id-delegazzjoni mmexxija mill-Ministru Grima kienet iffurmata minn Charles Zammit – Chairman Education Malta u Stephen Vella – Deputat Prinċipal tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST). Fil-laqgħat li saru f’Beijing, id-delegazzjoni Maltija kienet akkumpanjata mill-Ambaxxatur Malti għaċ-Ċina John Busuttil, filwaqt li f’Shanghai ngħaqdet ukoll mad-delegazzjoni l-Konslu Lisa-Marie Azzopardi.

Fil-kapitali Beijing saret laqgħa mal-Viċi Ministru għall-Edukazzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina Chen Jie, li matulha kienu diskussa u sar skambju dwar is-sistemi edukattivi fiż-żewġ pajjiżi rispettivi, u wkoll kif iż-żewġ pajjiżi jistgħu jsaħħu r-rabtiet fis-settur edukattiv. Kienu ffirmati żewġ ftehim li jsaħħu l-kollaborazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina dwar diversi aspetti edukattivi, fosthom skambju ta’ studenti, boroż ta’ studju, kollaborazzjoni f’riċerka u bdil ta’ expertise f’teknoloġiji marbutin mal-edukazzjoni u kollaborazzjoni fejn tidħol Edukazzjoni Għolja, ċertifikati u diplomi.

Id-delegazzjoni Maltija kienet milqugħa fil-Beijing Foreign Studies University fejn il-Ministru Grima kellu taħditiet mal-President tal-Università Jia Wenjian, wara li żar uħud mill-faċilitajiet li toffri din l-Università. Hawnhekk il-Ministru Grima ntlaqa’ f’wieħed mill-awditorji tal-Università b’tislima bil-lingwa Maltija qabel ma’ indirizza lil akkademiċi u studenti dwar “L-Iżvilupp sħiħ taż-Żgħażagħ fis-Sistema Edukattiva”, u wieġeb ukoll mistoqsijiet dwar l-edukazzjoni f’Malta li sarulu minn dawk preżenti.

Fil-Beijing Sports University, id-delegazzjoni kellha laqgħa mal-President tal-Università Zhang Jian li wkoll wasslet biex isir qbil li għandu jkun hemm diskussjonijiet li jagħtu bidu għal koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fis-settur tal-isport. Wara, l-Ministru Clifton Grima żar ukoll uħud mill-faċilitajiet sportivi li toffri l-Università u ngħata spjega dwar ix-xogħol li qed isir fl-Institute of Sport and Health Science fi ħdan il-kampus ta’ din l-Università. Hawnhekk sar qbil li ż-żewġ naħat jesploraw kif jista’ ikun hemm kollaborazzjoni biex jibbenefikaw l-isportivi u l-atleti kemm Maltin u wkoll Ċiniżi.

F’Shanghai saret żjara fil-University of Political Science and Law, bid-delegazzjoni Maltija tintlaqa’ mill-Kanċillier tal-Università Ge Weihua u mill-President Liu Xiaohong. Wara li l-Ministru Grima u d-delegazzjoni Maltija raw uħud mill-faċilitajiet li toffri din l-Università, saret laqgħa li matulha kienu diskussa fit-tul possibiltajiet ta’ aktar koperazzjoni bejn iż-żewġ naħat.

F’din l-Università kien iffirmat MoU minn Charles Zammit u Liu Xiaohong, li kien ippresedut mill-Ministru Clifton Grima u l-Kanċillier Ge Weihua.

Waqt din iż-żjara, Stephen Ellul f’isem l-MCAST iffirma 7 ftehim oħrajn: mal-Jiangsu Vocational College of Medicine; mal-Guandong Business and Technology University; mas-South China Normal University; mal-Guangxi University of Science and Technology; mal-Beijing Institute of Technology; mal-Jinzhou Medical University u mal-Beijing Ploytechnic, li se jwasslu għal koperazzjoni bejn l-MCAST u l-istituzzjonijiet imsemmija.

Ekonomija

Sport