Saturday, May 4, 2024

Iħebb għal erba’ uffiċjali tal-Pulizija waqt li kien fis-sakra 

Aqra wkoll

Libjan ta’ 21 sena ngħata l-libertà kkundizzjonata wara li ammetta li ħebb għal uffiċjali tal-pulizija waqt li kien fis-sakra.

Abd Alraheem Aboulqasim Ali Bashah, li m’għandux indirizz fiss f’pajjiżna, tressaq il-Qorti wara kommossjoni li ħoloq fil-venda tal-linja tal-Belt Valletta l-Ħadd filgħodu. Meta l-Pulizija kienu avviċinawh, huwa allegatament irrifjuta li jagħtihom id-dettalji personali tiegħu u beda jheddidhom.

Huwa kien mixli li ħebb għal erba’ uffiċjali tal-pulizija, li heddidhom u m’obdiex l-ordnijiet ta’ persuni inkarigati mis-servizz pubbliku, li kiser il-paċi pubblika, li kien fis-sakra b’mod li ma setax jikkontrolla lilu nnifsu, li naqas milli jagħti d-dettalji tiegħu lill-pulizija u li għex ħajja ta’ għażż u vagabondaġġ. 

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkunsidrat l-ammissjoni bikrija tal-imputat, ir-reati li dwarhom qed tinstab ħtija, il-fedina penali netta tiegħu u l-fatt li kkopera mal-pulizija hekk kif intebaħ b’dak li kien qed jiġri. 

Il-Qorti qalet li fiċ-ċirkostanzi tal-każ, ordni ta’ libertà kkundizzjonata tkun waħda idonea iżda meta jiġi kkunsidrat l-għemil tal-imputat kien dirett fil-konfront tal-pulizija, tali ordni għandha tingħata fil-massimu.

Kien għalhekk li filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, illiberatu bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien tliet snin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Borg filwaqt li ż-żagħżugħ kien assistit mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Daniel Attard.

Sport