Sunday, December 22, 2024

Ikkonfermata l-estradizzjoni ta’ Malti lejn l-Italja fuq allegat traffikar ta’ droga

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat l-estradizzjoni ta’ raġel Malti lejn l-Italja biex jaffaċċja proċeduri b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ għaxar tunnellati reżina tal-kannabis. 

Il-każ imur lura għal Ġunju tal-2018 meta l-Guardia di Finanza ta’ Palermo waqqfet dgħajsa Olandiża f’ibħra internazzjonali. 

Id-dgħajsa li fuqha nqabdet id-droga telqet minn Malta fuq vjaġġ allegatament organizzat mill-Malti. Fuqha kien hemm ukoll disa’ persuni li ġew arrestati u ttieħdu lejn Katanja. 

F’Marzu tas-sena ta’ wara huwa ġie interrogat f’Malta wara li nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew. Il-Qorti kienet oriġinarjament ċaħdet it-talba għall-estradizzjoni wara li rriżulta li l-mandat ma kienx konformi la mal-liġi Maltja u lanqas dik Taljana.

Sussegwentement kien intlaqa’ parzjalment l-appell tal-Avukat Ġenerali u b’hekk kienet revokata d-deċiżjoni tal-ewwel Qorti li biha lliberat lill-Malti u bagħtet l-atti lura lill-Qorti tal-Maġistrati sabiex tkompli bis-smigħ tal-estradizzjoni.

F’Novembru li għadda, il-Qorti tal-Maġistrati ordnat l-estradizzjoni tal-Malti lejn l-Italja u sussegwentement huwa appella mis-sentenza. 

Wara battalja legali, il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti kkonfermat l-estradizzjoni tiegħu kif mitlub mill-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Italja skont il-mandat ta’ arrest Ewropew. Il-Qorti infurmat ukoll lill-estradant li huwa ma kienx se jitreġġa’ lura lejn l-Italja qabel jgħaddu sebat ijiem.

Ekonomija

Sport