Marian Lucian Apostol ta’ 38 sena Rumen u residenti l-Mellieħa ġie kkundannat sentejn ħabs u multa ta’ aktar minn 1,000 ewro wara li ammetta li f’Settembru tas-sena li għaddiet flimkien ma’ żewġ persuni oħrajn kien wettaq sensiela ta’ serq minn ħwienet f’Għawdex.
Hu kien ġie mixli mill-Ispettur Keith Xerri li nhar il-21 ta’ Settembru tas-sena l-oħra kien wettaq serqa minn Dirjanu Supermerket f’Għajnsielem. Kien ġie mixli wkoll li fil-lejl ta’ bejn is-26 u 27 ta’ Settembru wettaq serqa minn isem ‘Spiteri Catering’, f’Għajnsielem.
Marian Lucian Apostol kien ġie mixli wkoll b’attentat ta’ serqa minn ħanut tal-mobiles li jinsab fir-Rabat Għawdex.
Meta Apostol flimkien mal-oħrajn tressqu l-qorti l-Ispettur Xerri kien spjega quddiem il-Qorti li kienu daħlu 3 rapporti tnejn ta’ żewġ serqiet u rapport ta’ attentat ta’ serqa. Qal li mis-supermarket insterqu 3 iflixken xampanja filwaqt li mingħand Spiteri Catering insterqu sett skieken li jiswew ħafna flus.
Il-Prosekuzzjoni qalet li hekk kif daħlu r-rapport mill-ewwel bdiet l-investigazzjoni u mill-kameras tas-sigurtà ta’ Spiteri Catering huma ma setgħux jintgħarfu minħabba li kienu mgħamdin. Iżda mill-kameras tas-sigrutà tas-supermarket l-imputati intgħarfu.
L-Ispettur qal quddiem il-Maġistrat Grech li bdew jimxu u jaraw diversi kameras tas-sigurtà fejn ġiet stabbilità l-karozza li ntużat. Bl-istess kameras tas-sigurtà li hemm f’diversi ħwienet u toroq l-imputati dehru deħlin f’appartament.
Qal li hekk kif ġew iddentifikati nħareġ mandatt ta’ arrest u l-imputati ġew arrestati.
Wara li ammetta l-ħtija, il-Maġistrat Jean Paul Grech ikkundanna lill-imputat sentejn ħabs effettivi, li għandu jħallas € 312.68 lil Agius Services Limited għal valur ta’ 3 flixken xampanja li kien seraq u anke multa ta’ €763.71 fi spejjeż tal-Qorti.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Tilden Tabone f’isem l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Keith Xerri.



