Friday, June 12, 2026

Tliet persuni arrestati b’rabta ma’ kultivazzjoni illegali tal-kannabis f’Marsalforn

Aqra wkoll

Tlett irġiel barranin ġew arrestati wara investigazzjonijiet b’rabta ma’ allegat kultivazzjoni illegali ta’ pjanti tal-kannabis, f’ammont li huwa aktar milli tippermetti l-liġi.

Huma ġew arrestati lbieraħ filgħodu, meta wara tfittxija li saret f’appartament fi Triq il-Wied, fil-limiti ta’ Marsalforn, iż-Żebbuġ, Għawdex, instabu mal-11-il pjanta tal-kannabis li kienu qegħdin jitkabbru illegalment.

Dawn instabu kemm ġewwa, kif ukoll fuq il-bejt tal-istess blokka ta’ appartamenti. Minbarra l-pjanti, il-pulizija elevat diversi qratas tal-kannabis li kienu lesti f’ċirkostanzi li jindikaw li huma maħsuba għat-traffikar.

It-tliet persuni arrestati huma Ġermaniż ta’ 43 sena, raġel mill-Ghana ta’ 37 sena u ieħor ta’ 36 sena mis- Sudan.

Aktar kmieni dalgħodu, tressaq fil-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Dr Jean Paul Grech LL.D il-Ġermaniż, fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet.

Intant, l-investigazzjonijiet fil-konfront taż-żewġ persuni l-oħra għadhom għaddejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport