Wednesday, April 22, 2026

Iktar investiment fid-djar residenzjali tat-tfal

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal kompla jsaħħaħ l-investiment fil-qasam tal-kura alternattiva, sabiex jara li kull tifel u tifla f’pajjiżna jgħixu f’ambjent sigur u mimli mħabba.

Ġie ffirmat it-tiġdid ta’ Public Social Partnership ma’ Fondazzjoni Dar San Ġużepp, residenza li fiha jgħixu tfal li għal xi raġuni jew oħra, ma setgħux jibqgħu jgħixu mal-familja bijoloġika tagħhom.

Fil-fatt il-Ministeru Soċjali alloka s-somma ta’ €2.5 miljun sabiex jagħti serħan il-moħħ fil-provvista ta’ servizz tul it-tliet snin illi ġejjin. Din tfisser żieda ta’ kważi €600,000 jew 31.6% fuq il-ftehim ta’ qablu li skada f’Diċembru li għadda.

“Inħarsu ’l quddiem li nibqgħu naħdmu ma’ kulħadd għaliex verament qalbna tħabbat fil-post it-tajjeb. Mal-Fondazzjoni San Ġużepp qed naraw illi nsaħħu wkoll l-element ta’ after care, kunċett li qed insaħħu anke f’setturi oħra bħal dak marbuta mar-riabilitazzjoni,” stqarr il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.

Il-Ministru Michael Falzon stqarr li dan huwa d-disa’  ftehim li qed jiffirmaw mill-ħdax li skadew f’Diċembru 2025 u ma’ dawn jingħaqdu tnejn ġodda li se jibdew dis-sena.  B’kollox hemm 37 ftehim ma’ 25 għaqda li jaħdmu f’diversi setturi soċjali, b’investiment ta’ kważi €15.4 miljun għal din is-sena.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport