Wednesday, April 22, 2026

Malta bl-inqas rata fit-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ

Livell rekord ta’ 8.6% li jpoġġi lil pajjiżna taħt il-medja Ewropea

Aqra wkoll

Malta kompliet turi impenn qawwi biex tindirizza t-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ (ELET), u issa laħqet l-inqas rata u għalhekk rata rekord ta’ 8.6% fl-2026. Din ir-rata hija wkoll taħt il-mira Ewropea li sal-2030, ir-rata tkun ta’ 9%.

Dan joħroġ minn stħarriġ ippubblikat mill-Eurostat, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, li juri titjib sinifikanti fir-rata ta’ pajjiżna tal-ELET. Dan ir-riżultat ipoġġi lil Malta taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea ta’ 9.1% għall-ewwel darba, u jimmarka punt ta’ bidla storiku fil-mixja edukattiva tal-pajjiż.

“Dan il-pass ifisser li Malta rnexxielha tilħaq il-mira nazzjonali tal-UE għall-2030 kważi ħames snin qabel iż-żmien, riflessjoni ta’ impenn sostnut, direzzjoni strateġika ċara u azzjoni koordinata fis-settur edukattiv.

Dan huwa frott l-investiment li qed nagħmlu dirett fl-edukaturi u l-istudenti tagħna permezz ta’ strateġiji ta’ prevenzjoni proattiva, li jirrifletti l-impenn kollettiv tagħna lejn it-titjib tar-riżultati edukattivi għal kulħadd, kif enfasizzat b’mod qawwi fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Il-Ministru Grima qal li dan ir-riżultat huwa wkoll dovut għaliex b’mod parallel, ingħatat aktar attenzjoni lil prattiki ta’ valutazzjoni mmirati u bbażati fl-iskola, u l-bidla fl-School Based Assessments, li jippermettu lill-edukaturi jidentifikaw u jappoġġjaw aħjar lill-istudenti li qabel kellhom diffikultajiet u b’hekk illum qed jiksbu riżultati aħjar.

Dan kien ta’ inkoraġġiment lil aktar studenti biex ikomplu l-edukazzjoni wara s-snin obbligatorji. Dan speċjalment fil-bidla li saret fl-AVC – l-Applied Vocational Certificate, li permezz tiegħu qed naraw aktar studenti jkomplu l-istudji tagħhom.

“It-tragward milħuq jirrifletti l-isforzi kollettivi tal-amministrazzjoni tal-iskejjel tagħna, tal-edukaturi, tal-istudenti nfushom, tal-familji, u l-komunità, u għalhekk nirringrazzja lil dawn kollha li kienu involuti biex ksibna dan ir-riżultat ferm pożittiv, filwaqt li se nkomplu bl-impenn tagħna għal aktar riżultati fit-trasformazzjoni ta’ settur tant importanti għal pajjiżna,” qal il-Ministru Grima.

Din il-kisba tqiegħed lil Malta mal-pajjiżi li kisbu dan it-tragward qabel is-sena stipulata mill-UE. Issa s-sitwazzjoni f’pajjiżna hija aħjar minn dik ta’ pajjiżi oħra fosthom il-Ġermanja, Spanja, Danimarka, Estonja, l-Awstrija u l-Finlandja.

Il-mod effettiv tal-approċċ ta’ Malta, kif indikat fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni huwa wkoll ċar fi programmi bħal Family Community School Link (FCSL), li għandu rwol vitali fl-iżvilupp ta’ ekosistema ta’ appoġġ madwar l-istudenti, billi jirrikonoxxi l-influwenza kruċjali tal-familja u l-komunità fuq l-involviment edukattiv.

It-tnaqqis f’din ir-rata għandha implikazzjonijiet b’saħħithom kemm għall-istudenti individwali kif ukoll għas-soċjetà Maltija kollha kemm hi, għaliex tirrappreżenta żieda fl-opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol u jipparteċipaw b’mod attiv fis-soċjetà. L-impenn kontinwu tal-Ministeru għall-Edukazzjoni f’dan is-settur huwa msaħħaħ aktar bit-tnedija tal-istrateġija ELET fl-2024, li hija parti integrali mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030.

“Il-Ministeru qed jaħdem b’dedikazzjoni u impenn biex ikompli jibni sistema edukattiva inklużiva u ġusta biex kull student jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu”, qal il-Ministru Grima. “Fil-perkors tal-ħidma tagħna qed inħarsu lejn għan wieħed, li s-settur edukattiv ikun bażi soda għall-ġid tal-istudenti tagħna u qed naraw li s-sistema tal-edukazzjoni Maltija timxi lejn approċċ aktar iffukat fuq il-persuna u l-kisba olistika,” spjega l-Ministru Grima.

Malta hija waħda mill-ftit pajjiżi li b’mod kostanti naqqsu r-rata f’dawn l-aħħar snin. Mill-2017 ’l hawn, Malta rreġistrat l-akbar rata ta’ tnaqqis fl-ELET mill-pajjiżi kollha tal-UE. Fl-2015, Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li ppubblikat strateġija speċifika dwar it-Tluq Bikri mill-Iskejjel (ESL), għal studenti li ma kisbux kwalifiki ta’ livell sekondarju superjuri. L-ESL beda jissejjaħ “Tluq Bikri mill-Edukazzjoni u t-Taħriġ” (ELET) biex jinkludi mhux biss il-perkorsi akkademiċi imma wkoll dawk vokazzjonali.

Ir-riżultat tal-lum juri t-tnaqqis kostanti f’din ir-rata, minn Diċembru 2005, meta r-rata kienet laħqet rekord ta’ 33%, fl-2012 meta r-rata kienet ta’ 18.1%, u llum ir-rata naqset għal 8.6%.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport