Tuesday, April 23, 2024

IL-BLACK FRIDAY

Aqra wkoll

Illum daħlet sew il-Black Friday.  Hi opportunità sew għan-negozji u sew għall-konsumaturi.  Il-Black Friday mhu xejn għajr sale, ġeneralment ta’ ġurnata, li jkun sale qawwi aktar minn tas-soltu.

Biss biex il-konsumaturi jmorru tajjeb hemm bżonn li jieħdu ħsieb ċerti affarijiet.  L-ewwel ħaġa, u din tgħodd għas-sales kollha, hu importanti li qabel ma mmorru nixtru nkunu nafu xi rridu nixtru u meta mmorru nixtru, nixtru dawn l-affarijiet biss.  

Ir-raġuni hi sempliċi.  Jekk aħna ma nagħmlux hekk, hemm ċans kbir li l-affarijiet li nixtru huma l-aktar affarijiet li hemm roħs fuqhom.  Biss minkejja dan, dawn l-affarijiet li nkunu xtrajna mhux bilfors li jkunu affarijiet li jkollna bżonn.  Kemm-il darba, meta nkunu qed niżbarazzaw xi cupboard insibu affarijiet li forsi nkunu użajnihom darba, darbtejn, u nsejnihom.  Ir-raġuni hi li dawn l-affarijiet mhux vera li kellna bżonnhom.

It-tieni ħaġa li tajjeb li jiċċekkja il-konsumatur hi li jara minn għand min ser jixtri.  Hemm numru ta’ negozjanti li għalihom ‘customer service’ ma jeżistix.  Għalhekk tajjeb li qabel ma tmur tixtri tagħti titwila din is-site https://mccaa.org.mt/cct biex tara x’każi kellu dan in-negozjant quddiem it-Tribunal tal-Konsumaturi.  Hemm ikollok idea ma’ min tkun ser tinnegozja.

Ħaġa oħra li jrid jara l-konsumatur hi jekk l-oġġett li jkun ser jixtri hu mudell riċenti.  Dan l-aspett hu importanti speċjalment jekk tinqala’ xi ħsara.  Oġġetti li jkunu spiċċaw mill-produzzjoni, ġeneralment, ma tantx issib spare parts għalihom.  Jekk tinqala’ xi problema u ma jkunx hemm spare parts, il-problema tikber għaliex lanqas tkun tista’ tissewwa.  Jekk l-oġġett ikun għadu taħt il-garanzija, tal-ħanut ma jkunx jista’ jsewwih u għalhekk tinqala’ l-problema ta’ kif il-konsumatur ser ikun ikkompensat.  

Issa iktar u iktar għax mhux l-ewwel darba li meta jkun hemm hsara in-negozjant jgħid lill-konsumaturi li jew il-prodott m’għadux jiġi imanifatturat barra jew li m’hemmx spare parts minkejja l-garanzija.   

Din tal-mudell hi ħafna aktar importanti meta jinxtara xi apparat elettroniku bħal computer u tablet.  Il-konsumatur irid joqgħod attent, u mhux jiffoka biss kemm traħħas l-oġġett, li l-apparat li jkun ser jixtri jkun kapaċi jieħu l-aktar software riċenti.  Għalhekk meta jkun ser jinxtara xi apparat elettroniku, il-konsumatur irid ikun jaf għalxiex ikun ser juża dan l-apparat.

Problema kbira li qed iħabbtu wiċċhom il-konsumaturi hi dwar meta ser jirċievu l-oġġett li jkunu xtraw.  L-aktar ħaġa li sserraħlek moħħok hu jekk tkun tista’ tieħu l-oġġett mal-ewwel miegħek.  Din il-problema l-aktar li qed tqum hi dwar l-għamara speċjalment dik impurtata.  Illum hemm ħafna ilmenti li nies xtraw għamara u għadhom jistennewha minkejja li għaddew għexieren ta’ xhur li għalqet id-data meta kellhom ikunu għand il-konsumaturi. Illum hemm ħafna negozjanti li jwaħħlu fil-COVID għax mhux jaslu l-affarijiet, għalkemm issa l-kummerċ reġa’ qabad. 

Illum hemm ħafna li qed jixtru online.  Il-konsumatur irid jiftakar li f’dan il-każ għandu ċerta drittijiet bħal li tista’ tħassar l-ordni fl-ewwel 14-il ġurnata.  

L-aħħar u waħda mill-aktar affarijiet importanti li jrid joqgħod attent il-konsumatur hu meta jkun ser jiffirma xi dokument speċjalment l-invoices.  Qabel ma tiffirma, dawwar il-paġna u ara jekk hemmx xi kundizzjonijiet li qed tintrabat bihom.  Meta jkun hemm kundizzjonijiet arahom sew speċjalment dwar xi kundizzjonijiet li teħles lin-negozjant mir-responsabiltà tiegħu li jwasal l-affarijiet għand il-konsumatur fid-data mifthema.  Ara wkoll li garanzija qabel u li tingħata din il-garanzija bil-miktub. Tinsiex dawn ikunu miktuba minn avukati li jaraw kif jagħmlu kundizzjonijiet biex tal-ħanut joħroġ mill-obbligi tiegħu u l-konsumatur jitlef id-drittijietu.

Sport