Saturday, December 21, 2024

Il-BOV b’diversi bidliet biex ixekkel mill-anqas is-servizzi offruti minkejja l-pandemija

Aqra wkoll

Minħabba l-iżviluppi relatati mas-sitwazzjoni tal-COVID-19, il-Bank of Valletta se jkompli jimplimenta diversi bidliet fis-servizzi li joffri mill-fergħat tiegħu biex jiżgura kontinwità tas-servizzi u esperjenza bl-inqas xkiel possibli għall-klijenti tiegħu.

Minn nhar it-Tnejn 10 ta’ Jannar 2022, il-Bank of Valletta se jkun qed jagħlaq b’mod temporanju, il-fergħat tiegħu li jinsabu il-Balluta, Birżebbuġa, Floriana, Marsa u San Pawl il-Baħar, filwaqt li l-Fergħa tal-BOV li tinsab fi Fleur de Lys se tkun qed tagħlaq b’mod permanenti. L-Aġenziji tal-Bank li jinsabu n-Nadur u x-Xagħra Għawdex se jkunu qed jerġgħu jiftħu għas-servizz fit-8 u l-10 ta’ Jannar 2022 rispettivament.

“Fil-ġimgħat li għaddew, bqajna nsegwu s-sitwazzjoni tal-COVID-19 b’mod partikolari minħabba l-impatt li din kienet qed ikollha fuq is-servizzi li noffru mill-fergħat tagħna, u b’hekk ħadna azzjonijiet biex insostnu livell adegwat ta’ servizz,” stqarr Kenneth Farrugia, Chief Retail Banking Officer fil-Bank of Valletta. “Id-deċiżjonijiet li qed nieħdu huma sostnuti mir-responsabbiltà tagħna li nipproteġu lill-klijenti u lill-impjegati tagħna, filwaqt li niżguraw li nużaw ir-riżorsi umani tagħna fil-fergħat bl-aktar mod effiċjenti possibbli.”

L-ATMs u l-faċilitajiet ta’ nightsafe deposits f’dawn il-fergħat se jibqgħu joperaw b’mod normali. Klijenti li jkollhom bżonn aċċess għas-safe deposit lockers tagħhom f’dawn il-fergħat, f’dan iż-żmien li fih se jkunu magħluqa, għandhom iċemplu l-Customer Service Centre tal-Bank fuq +356 2131 2020 biex jagħmlu appuntament.

Għal servizzi li mhumiex relatati ma’ ġbid ta’ flus, tisrif ta’ ċekkijiet u depożiti bħal investimenti, self għad-djar, self personali, skedar mill-ġdid ta’ ħlasijiet lura ta’ self u applikazzjonijiet għal servizzi ġodda, il-klijenti huma ġentilment mitluba jagħmlu appuntament permezz ta’ https://www.bov.com/Assistants/set-an-appointment, billi jibagħtu email fuq [email protected] jew billi jċemplu fuq +356 2131 2020.

Il-klijenti huma mħeġġa biex inaqqsu r-riskju ta’ kuntatt u jużaw l-ATMs, il-BOV Internet Banking, BOV Mobile Banking, BOV Pay u BOV Debit u Credit Cards għall-ħtiġijiet bankarji tagħhom. 

“Aħna nifhmu li dawn il-miżuri jistgħu jikkawżaw xi inkonvenjenzi għal uħud mill-klijenti tagħna, iżda fis-sitwazzjoni attwali, aħna nemmnu li dawn il-miżuri se jippermettulna nkomplu nipproteġu s-saħħa tal-klijenti tagħna filwaqt li nkomplu nipprovdu l-aqwa livell ta’ servizzi bankarji, u fl-istess ħin nipproteġu lill-impjegati tagħna stess” qal is-Sur Farrugia.

Il-Bank of Valletta jixtieq jiskuża ruħu għal kull inkonvenjent ikkawżat u jirringrazzja lill-klijenti għall-kooperazzjoni kontinwa. 

Ekonomija

Sport