Il-Bank of Valletta qed iħeġġeġ lill-pubbliku biex jipprova l-għodda l-ġdida ta’ assessjar personalizzat bl-isem ta’ Spot the Scam. Din hija applikazzjoni online, ipprovduta bla ħlas, u mfassla biex tgħin lin-nies jagħrfu l-iscams u l-indikaturi ewlenin. B’hekk ikunu jistgħu jirreaġixxu b’mod sigur fil-mumenti importanti. Din l-għodda online bla ħlas tifforma parti mill-isforzi kontinwi tal-Bank biex ikompli jsaħħaħ l-għarfien dwar l-iscams. Tista’ tiġi aċċessata fuq www.spotthescam.mt u tieħu biss ftit minuti biex titlesta.
Hekk kif l-iscams qed isiru dejjem aktar konvinċenti, spiss ibbażati fuq il-personifikazzjoni, sens ta’ urġenza u pressjoni emozzjonali, l-edukazzjoni tibqa’ waħda mill-aktar difiżi b’saħħithom kontra din it-theddida moderna. L-għodda ta’ awto-valutazzjoni ssaħħaħ drawwa sempliċi: ieqaf, aħseb u vverifika qabel tikklikkja fuq links jew taġixxi fuq talbiet mhux mistennija. Tgħin ukoll lill-pubbliku jifhem li qatt mhu sigur taqsam passwords, one-time codes, jew informazzjoni personali oħra, u li l-urġenza m’għandhiex twassal għal deċiżjonijiet ħżiena.
Biex jippromwovi edukazzjoni dwar l-iscams, il-Bank jaqsam b’mod regolari pariri prattiċi fuq is-sit tiegħu u fuq il-mezzi soċjali. Jorganizza wkoll kampanji interattivi u quizzes biex jgħin lill-parteċipanti jittestjaw l-għarfien tagħhom. Barra minn hekk, il-Bank jieħu sehem f’għadd ta’ sessjonijiet fil-komunità u f’avvenimenti għall-klijenti biex jispjega tattiċi komuni li jużaw l-iscammers. Fl-istess waqt, il-Bank jipprovdi lill-impjegati tiegħu bl-għarfien meħtieġ biex jiggwidaw lill-klijenti jagħmlu għażliet tajba fejn tidħol il-mitigazzjoni tal-frodi.
F’kumment dwar il-firxa wiesgħa ta’ attivitajiet li qed jorganizza l-Bank, Ryan Caruana, Group Chief AFC Officer u MLRO fil-BOV, qal li, “il-prevenzjoni tal-frodi mhix biss dwar l-użu korrett tat-teknoloġija. Hija wkoll dwar l-għażliet li nagħmlu ta’ kuljum. Jekk xi ħaġa ma tidhirx ġenwina, irridu nieqfu qabel naġixxu u nivverifikaw permezz ta’ channels ta’ fiduċja meta jkollna dubju. Din l-għodda ta’ awto-valutazzjoni hija l-aktar inizjattiva riċenti fil-ġlieda kontinwa tagħna kontra l-frodi. Hija mfassla biex tgħin lill-pubbliku jagħraf is-sinjali ta’ twissija u jieħu deċiżjonijiet għaqlin. Inħeġġu lill-pubbliku jagħmel it-test u jaqsmu ma’ ħbieb u familja, għax konversazzjoni qasira llum tista’ tipprevjeni telf serju għada.”
Dawn l-inizjattivi jappoġġjaw ukoll l-impenn tal-Bank favur l-ESG, b’mod speċifiku taħt il-pilastru soċjali, hekk kif jippromwovu benesseri finanzjarju b’mod sħiħ u jsaħħu l-protezzjoni ta’ dawk li jistgħu jkunu aktar vulnerabbli għall-frodi.


