Il-Budget tal-Korp tal-Pulizija għall-2027 jiżdied b’aktar minn €16-il miljun

Aqra wkoll

Il-Budget tal-Korp tal-Pulizija għas-sena 2027 se jkun ta’ kważi €150 miljun, żieda ta’ aktar minn €16-il miljun fuq is-sena li għaddiet, hekk kif il-Gvern qed ikompli jinvesti fit-tisħiħ tal-Korp, fit-taħriġ, fit-teknoloġija u fir-riżorsi umani.

Dan tħabbar waqt żjara li l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, għamlu lir-rekluti l-ġodda tal-Korp tal-Pulizija waqt it-taħriġ tagħhom fl-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja.

Il-Ministru Bedingfield qal li dan l-investiment jirrifletti l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ Korp tal-Pulizija modern, professjonali u motivat, filwaqt li jiżgura li l-uffiċjali jkollhom l-għodod u l-ħiliet meħtieġa biex jaqdu dmirijiethom bl-aħjar mod possibbli.

Waqt iż-żjara, huwa rrikonoxxa l-għażla tar-rekluti li jingħaqdu mal-Korp tal-Pulizija, filwaqt li enfasizza li din hija karriera li tmur lil hinn minn sempliċi xogħol. “Li tkun Pulizija mhuwiex sempliċiment xogħol. Huwa servizz lejn is-soċjetà. Huwa impenn li tkun hemm għan-nies, li tipproteġi lil min għandu bżonn il-protezzjoni u li taġixxi meta oħrajn ikunu qed jistennew l-għajnuna,” qal il-Ministru.

Huwa ħeġġeġ lir-rekluti biex jieħdu t-taħriġ bis-serjetà, jisfruttaw kull opportunità ta’ tagħlim u jibnu fuq l-esperjenza u l-pariri ta’ dawk li ilhom snin iservu fil-Korp.

Il-Ministru rrefera wkoll għall-introduzzjoni tal-Pre-Tertiary Certificate in Policing, li qed jingħata lir-rekluti bħala parti mill-programm ta’ reklutaġġ tagħhom. Dan il-programm huwa parti mill-investiment fl-edukazzjoni u l-professjonalizzazzjoni tal-uffiċjali tal-Pulizija, bl-għan li jħejjihom għall-isfidi tal-lum u ta’ għada.

Huwa awguralhom kull suċċess f’dan il-perkors, filwaqt li ħeġġiġhom jaraw il-karriera tagħhom bħala opportunità biex jikbru kemm professjonalment kif ukoll bħala persuni, u biex ikunu ta’ servizz għall-komunitajiet li se jkunu qed jipproteġu.

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, spjega lir-rekluti kif dan it-taħriġ jirrifletti l-evoluzzjoni li għadda minnha l-Korp tal-Pulizija f’dawn l-aħħar snin permezz tal-Istrateġija ta’ Trasformazzjoni, u kif il-ħidma mibdija permezz tagħha qed tiġi kkonsolidata bl-istrateġija attwali Safer Communities, Smarter Policing. Wara li awguralhom kull suċċess, il-Kummissarju ħeġġiġhom biex ma jaqtgħux qalbhom quddiem l-isfidi li se jiltaqgħu magħhom matul it-taħriġ. Huwa spjegalhom li dan se jgħinhom jibnu r-reżiljenza meħtieġa minn kull uffiċjal tal-Pulizija sabiex iwettaq dmiru bl-aħjar mod possibbli.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport