It-Tazza tad-Dinja tal-FIFA 2026 waslet fi tmiemha. Din ġabet magħha ġimgħat ta’ logħob ta’ livell għoli, emozzjonijiet u sorpriżi. Il-finali mistennija ġġib magħha udjenza ta’ miljuni ta’ telespettaturi madwar id-dinja.
Dan kollu jkompli jikkonferma li t-Tazza tad-Dinja tibqa’ l-akbar avveniment sportiv globali. Għalkemm pajjiżna mhuwiex qed tieħu sehem fil-Fifa, l-interess tal-Maltin fit-Tazza tad-Dinja baqa’ wieħed qawwi. Tant li ta’ spiss issib min jgħidlek li ma’ jitlifx logħba waħda. Permezz tal-Fifa, ħafna familji u gruppi ta’ ħbieb jiltaqgħu biex jaraw il-logħob flimkien.

It-tradizzjoni li bosta jixtru u jpartu l-istickers
L-entużjażmu għat-Tazza tad-Dinja ma’ deherx biss waqt il-partiti, iżda wkoll fl-albums u l-istickers uffiċjali tal-Panini. F’Malta, minn tfal żgħar, adulti, kif ukoll dawk avvanzati fl-età reġgħu bdew jixtru u ipartu l-istickers u jgħaqqdu l-album tagħhom.
Ta’ min jgħid li din it-tradizzjoni f’pajjiżna ilha ssir ferm. Kien għalhekk propju li biex nidħlu fl-atmosfera tal-futbol, żorna l-ħanut ta’ Anastasi Panini fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta. Hekk kif wasalna stajna ninnutaw li quddiem il-ħanut jinġabru bosta nies li jkunu qed jixtru l-istickers għal l-album, kif ukoll ipartu l-istickers li jkunu duplikati.

L-andament ta’ bejgħ mar tajjeb ħafna
Dħalna wkoll fil-ħanut, fejn stajna ninnutaw li minkejja ċ-ċokon tiegħu, kien fih varjetà ta’ stickers, albums u kull tip ta’ ħaġa oħra li għandha x’taqsam ma’ futbol. Xi ħaġa affaxinanti kienet li fil-ħanut kien kemm affarijiet moderni u kif ukoll diversi kollezzjonijiet li jmorru lura għal ħafna żmien.
Ma’ setax għalhekk jonqos li ma’ nsaqsux lil ħaddiema li kien hemm jaħdmu fil-ħanut dwar kif kien sejjer l-adament tal-bejgħ ta’ stickers u jekk l-istickers tal-Panini huwiex popolari biss mal-Maltin jew anke mat-turisti.

Konkorrenza tajba kemm mill-Maltin kif ukoll mit-turisti
Huma bdew biex qalulna li din is-sena jikkunsidrawha bħala sena tajba ħafna. Ingħad li s-soltu meta tibda t-Tazza tad-Dinja n-nies jonqsu milli jixtru. B’kuntrast din is-sena kienet differenti, hekk kif ta’ kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd, il-ħanut jilqa’ fih ħafna nies u bost qegħdin anke jiltaqgħu barra l-ħanut biex ipartu l-istickers.
Meta mistoqsijin dwar xi jkun hawn l-iktar li jieħdu interess fl-album jekk hux Maltin jew turisti, qalulna li l-konkorrenza kienet miżżewġ naħat. Spjegawlna kif fil-ħanut kellhom konkorrenza ta’ Maltin u Għawdxin li kull meta jkun hemm xi ħaġa tal-futbol jixtruha.
Kien hemm turisti li siefru Malta biex jixtru l-album
B’refereza għat-turisti, huma spjegawlna kif dawn kienu qegħdin ipartu l-istickers u jagħmlu ħbieriji ġodda mal-Maltin. Qalulna wkoll li saħansitra saru jafu li kien hemm grupp ta’ turisti li ġew f’pajjiżna biex apparti li jgawdu l-pajjiż, ġew biex jixtru l-album. Dan hekk kif f’bosta pajjiżi minn madwar l-Ewropa l-album u l-istickers ħafna mid-drabi ma’ ssibhomx disponibbli.
Quddiem dan kollu stajna ninnutaw li kien hemm atmosfera ta’ ħbiberija, minkejja li normalment ħadd ma’ jkun jaf lil ħadd. F’dan il-ħanut stajna ninnutaw mumenti ta’ nostalġija, fejn wieħed jisma’ l-frażi tradizzjonali “Għandi, għandi… m’għandix”, li ilha marbuta mal-kollezzjoni tal-Panini għal bosta snin.
L-istora ta’ Panini f’Malta tmur lura għal meta Domnic Anastasi kellu 17-il sena
L-istorja ta’ Panini f’Malta tmur lura għal meta Dominic Anastasi, ta’ 17-il sena beda jimporta prodotti relatati mal-futbol fl-1969.
Wara li sar jaf bl-istickers ta’ Panini permezz ta’ ħabib tiegħu , kiteb direttament lill-kumpanija f’Modena, l-Italja.
Fi żmien ġimgħa rċieva tweġiba b’kampjuni u prezzijiet u minn hemm beda il-vjaġġ li għadu għaddej sal-lum.
Fl-1970, Anastasi ġab Malta l-ewwel kollezzjoni tal-Panini

Fl-1970, Anastasi ġab Malta l-ewwel kollezzjoni Panini Calciatori. Dan kien segwit mill-album uffiċjali tat-Tazza tad-Dinja tal-Messiku 1970.
Minn dak iż-żmien ‘l hawn, sar id-distributur uffiċjali ta’ Panini f’Malta u l-ħanut tiegħu li jinsab fi Triq il-Merkanti, fil-Belt Valletta, sar popolari għal diversi ġenerazzjonijiet.
Panini sar ħanut popolari għal diversi ġenerazzjonijiet
Matul is-snin, il-ħanut ta’ Anastasi ma sarx biss post fejn jinbiegħu l-istickers, iżda wkoll il-post fejn isir it-tpartit tal-istickers.
Kull darba li joqrob il-World Cup jew kompetizzjoni internazzjonali kbira, mijiet ta’ tfal, żgħażagħ u adulti jinġabru barra l-ħanut biex jixtru pakketti u jpartu d-duplikati. Illum, Anastasi Panini jibqa’ sinonimu mal-ispirtu tat-Tazza tad-Dinja f’Malta.
Għal ħafna Maltin, ix-xiri u tpartit tal-istickers mhuwiex sempliċement passatemp, iżda tradizzjoni li tgħaqqad il-familji u l-ħbieb u tfakkarna fil-memorji tat-tfulija.
