Il-proċeduri kriminali kontra Luke Seguna, l-eks kappillan ta’ Marsaxlokk li jinsab akkużat b’ħasil ta’ flus, frodi u miżapproprjazzjoni, tkomplew l-Erbgħa filgħodu.
Meta tela’ fuq il-pedana tax-xhieda, l-analista forensiku Matthew Abela Medici ta dettalji dwar l-involviment tiegħu f’investigazzjoni li kienet tinkludi files imħassra li nstabu fil-bin tal-kompjuter tiegħu. Huwa qal lill-qorti li inizjalment kien informa lill-ispettur inkarigat b’din is-sejba b’mod verbali.
Ix-xhud spjega li aktar tard huwa fformalizza din l-informazzjoni f’email mibgħuta fil-25 ta’ Marzu 2024, lis-superintendent, lill-assistent kummissarju, u lill-ispettur.
Abela Medici nnota li għalkemm qabel kien ġie mistoqsi jekk il-files setgħux jiġu rrestawrati, huwa kien ta parir kontrih minħabba riskji tekniċi. Huwa stqarr li malli wieħed imiss il-files, ikun hemm riskju li dawn jiġu kompromessi.
Waqt l-eżami, l-analista ġie mistoqsi jekk id-data mħassra kinitx eventwalment ġiet rkuprata. Huwa kklarifika li dawn ma ġewx irkuprati għax il-files kienu tħassru mis-sistema attiva.
“Li kieku sar retrieval tal-files, ma kienx ikun possibbli li jiġi stabbilit kif dawn tħassru”, qal Medici.
Huwa kompla jelabora fuq in-natura sensittiva ta’ ritratti diġitali, fejn spjega li għalkemm l-evidenza kienet tinvolvi sistema ta’ kompjuter u mhux laptop, il-prinċipji tar-“ritratti diġitali” baqgħu l-istess.
Il-qorti semgħet kif l-apparat inkwistjoni ġie esebit f’seduta fid-19 ta’ Ġunju 2023, fejn dak il-ħin l-analista forensiku ppreżenta r-rapport formali tiegħu flimkien ma’ ritratti tal-kompjuter. Huwa kkonferma li l-files li oriġinarjament instabu fuq id-desktop kienu tabilħaqq tħassru qabel ma saret l-analizi forensika tiegħu.
Waqt il-kontro-eżami, ix-xhud spjega aktar li meta rritorna lura x-xogħol, huwa aċċessa t-tower tal-kompjuter u sab li l-files li kien ikkopja kienu issa jinsabu fil-bin. Id-difiża saħqet fuq il-fatt li x-xhud ma kienx semma dan it-tħassir waqt ix-xhieda tiegħu quddiem Maġistrat, issa Imħallef Natasha Galea Sciberras.
Ix-xhud wieġeb li kien mifhum li l-materjal li kien jinsab fil-files imħassra kien diġà ġie esebit u ppreżentat quddiem il-qorti; madankollu, huwa reġa’ sostna li kien informa lis-superintendent li ċerti files imħassra kienu jinkludu l-evidenza kollha marbuta mal-każ.
Meta mistoqsi mill-avukat Matthew Xuereb jekk persuni oħra kinux ħadmu fuq l-analiżi, l-analista wieġeb li l-proċess kollu sar “mill-A saż-Ż” minnu personalment.
“Ħadt dik id-deċiżjoni għax kont ċert li ladarba l-files jintmessu, ma jibqgħux fl-istat oriġinali tagħhom u għalhekk l-evidenza tkun kompromessa,” sostna x-xhud.
Mistoqsi mill-ġdid mid-difiża jekk kienx konxju li t-tħassir ta’ files seta’ jikkostitwixxi reat kriminali u jekk talabx li tinfetaħ inkjesta, Abela Medici wieġeb fin-negattiv.
Il-każ mistenni jkompli fis-17 ta’ Ġunju fis-1pm.
Il-Maġistrat Lara Lanfranco ppresediet. L-avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Ramon Bonett Sladdenmexxa l-prosekuzzjoni, waqt li l-avukati Matthew Xuereb u Alex Scerri Herrera dehru għall-akkużat.


