Wednesday, May 13, 2026

“Min iwiegħed li jista’ “jsolvi” t-traffiku b’xi bakketta maġika jkun qed jivvinta”

- L-eks Prim Ministru Joseph Muscat

Aqra wkoll

L-eks Prim Ministru f’kitba fuq il-midja soċjal qal li “min iwiegħed li jista’ “jsolvi” t-traffiku b’xi bakketta maġika jkun qed jivvinta.”

Dr Muscat f’kitba dwar is-sitwazzjoni tat-trasport f’pajjiżna jgħid li t-tkabbir ekonomiku jġib miegħu żieda fin-nies li jkunu jridu jiċċaqilqu minn post għall-ieħor.  Fi żmien il-Covid kien hawn prattikament l-istess nies f’pajjiżna iżda t-toroq kienu baħħ għaliex l-ekonomija kienet wieqfa.

“L-uniku miżura li tista’ tnaqqas it-traffiku bil-kbir b’ daqqa ta’ pinna tkun li jiżdiedu l-liċenzji tal-karozzi u jiddaħħlu l-parking meters.  Il-Partit Laburista minn dejjem kien kontra dawn il-miżuri għaliex jolqtu l-aktar lill-ħaddiema u lill-familji tagħhom li għandhom limitazzjoni fil-flessibilta tal-ġurnata tagħhom,” jikteb Dr Muscat.

L-eks Prim Ministru jgħid li għalhekk inbeda programm nazzjonali bla preċedent li permezz tiegħu inbniet infrastruttrura ġdida u trangaw it-toroq.  Dan kien l-ewwel pass.

“Issa l-Partit Laburista ħabbar fażi oħra ta’ pjan kredibbli, studjat u costed biex jindirizza l-mobilita’ għall-15 -il sena li ġejjin. Nieħu pjaċir li dan il-pjan jinkludi Krediti tal-Mobilita, li hu kunċett eċċellenti biex dak li jkun jaddatta għal bżonnijiet tiegħu l-użu tal-linja, taxis u ferries,” kiteb Joseph Muscat.

Qal li hu jemmen b’saħħa li l-proġett li jgħaqqad permezz tal-baħar diversi nħawi tal-pajjiż huwa l-pern ta’ kollox. Dan il-proġett kellu jibda madwar 10 snin ilu iżda kien twaqqaf minn kawża fil-Qorti. “Fl-aħħar issa kien hemm żblokk għaliex hemm każ ċar biex wieħed juża l-ferry biex jiċċaqlaq minn post għal ieħor minflok bil-karozza,” tenna l-eks Prim Ministru u mexxej Laburista Dr Joseph Muscat.

“Ninsab kurjuż li nara aktar dwar il-proposta tal-light rail li hu ferm aktar realistiku minn affarijiet li kienu jissemmew qabel.   Żgur huwa aktar sensibbli mill-pjan tat-train tal-Partit Nazzjonalista, li jekk ħadd ma nduna ifisser li jridu jitneħħew il-postijiet tal-parking mit-toroq minn fejn se tgħaddi, u din tgħaddi minn mal-parapetti u gallariji tan-nies. Sakemm ma jgħadduwix mill-ODZ.  Iżda dik storja oħra,” temm jikteb fuq il-midja soċjali Dr Muscat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport