Wednesday, May 13, 2026

“It-tkabbir ekonomiku f’Malta baqa’ ferm ogħla mill-medja taż-żona tal-ewro” – Bank Ċentrali

Aqra wkoll

F’rapport li ġie ppubblikat mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, ġie nnutat li fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra, l-ekonomija Maltija kompliet tikber b’ritmu aktar mgħaġġel, b’żieda fil-Prodott Domestiku Gross reali li kienet aktar minn ħames darbiet ogħla mill-medja taż-żona tal-ewro. 

Il-Bank Ċentrali jgħid li s-suq tax-xogħol baqa’ b’saħħtu ħafna filwaqt li l-inflazzjoni f’Diċembru tas-sena li għaddiet kien ta’ 2.5% filwaqt li d-dfiċit tal-Gvern naqas meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

Ir-rapport jgħid li fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet, l-ekonomija ta’ pajjiżna kibret b’ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel. 

It-tkabbir reali fil-Prodott Domestiku Gross kien sostnut kemm mid-domanda domestika kif ukoll mill-esportazzjoni netta, li kkontribwew kważi bl-istess mod għall-ekonomija Maltija.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jinnota li r-ritmu ta’ tkabbir kien aktar minn ħames darbiet ogħla mill-medja taż-żona tal-ewro.

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju baqa’ relattivament stabbli u kompla jindika attività ekonomika ftit ogħla mill-medja storika.

Dwar is-suq tax-xogħol il-Bank Ċentrali jinnota li baqa’ pożittiv, b’aktar attività u żieda fir-rata ta’ impjieg. Żdiedet ukoll ir-rata tal-postijiet tax-xogħol vakanti, filwaqt li l-iskarsezza tax-xogħol baqgħet għolja. Minkejja żieda fir-rata tal-qgħad, din baqgħet ferm inqas minn dik fiż-żona tal-ewro.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta tkellem ukoll dwar il-prezzijiet fejn qal li l-inflazzjoni għall-konsumatur żdiedet bi ftit. L-inflazzjoni skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur kienet ta’ 2.5% f’Diċembru, minn 2.4% f’Settembru. L-inflazzjoni li teskludi l-enerġija u l-ikel naqset marġinalment għal 2.3%.

L-ekonomisti tal-Bank Ċentrali ta’ Malta nnutaw titjib fil-finanzi pubbliċi fejn ġie nnutat li l-Gvern irreġistrat defiċi inqas minn dak li kien irreġistrat fl-istess perjodu s-sena ta’ qabel,  waqt li l-proporzjon tad-dejn baqa’ relattivament stabbli u ferm inqas minn dak taż-żona tal-ewro.

Il-Bank Ċentrali nnota wkoll li l-Bank Ċentrali Ewropew żamm ir-rati ewlenin tal-imgħax kif kienu sa April. Il-Bank Ċentrali Ewropew wissa li l-gwerra fil-Lvant Nofsani żiedet l-inċertezza, b’riskji ogħla għall-inflazzjoni u riskji negattivi għat-tkabbir ekonomiku.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport