Il-film Malti “Ciao Ciao”, taħt id-direzzjoni ta’ Keith Tedesco, issa jinsab disponibbli fuq Amazon Prime Video madwar ir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Istati Uniti u l-Awstralja. Dan jimmarka pass importanti għall-industrija tal-films li qed tkompli tikber f’pajjiżna.
“Ciao Ciao” huwa dark comedy-drama li jdur madwar żewġ koppji li jerġgħu jiltaqgħu wara żmien twil. Iżda dik li bdiet bħala “ikla amikevoli” inbidlet f’lejl ta’ tensjoni, mimli kaos u rivelazzjonijiet skomdi.
Il-film, li huwa prodott minn Lampa Stampa u Roughcut films, jinkludi tim kreattiv Malti b’saħħtu kemm quddiem kif ukoll wara l-kamera, u jenfasizza l-kwalità u l-ambizzjoni tal-produzzjoni ta’ films indipendenti li qed toħroġ minn Malta llum.
Din il-produzzjoni qed tkun appoġġjata mill-Kunsill Malti tal-Arti, li l-investiment kontinwu tiegħu fl-industriji tal-films u l-kreattività Maltin qed jgħin lill-produzzjonijiet lokali jilħqu udjenzi u pjattaformi internazzjonali.
Fil-film jieħdu sehem Mikhail Basmadjian, Antonella Axisa, Chris Dingli, Simone Spiteri, Katrina Lupi, Ryan Mark De Battista, Kevin Naudi, u Ruth Borg.

