Wednesday, December 25, 2024

Il-Ġimgħa jiġi inawgurat il-proġett tal-MICAS

Aqra wkoll

B’investiment ta’ €30 miljun, nhar il-Ġimgħa li ġej se jiġi inawgurat il-proġett tal-MICAS, li huwa l-ewwel spazju internazzjonali ddedikat għall-arti kontemporanja f’pajjiżna. Dan il-proġett se jiftaħ b’esebizzjoni ta’ xogħlijiet tal-artista rinomata Joana Vasconcelos.

Kien il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici li ħabbar dan fil-Parlament meta kien qed iwieġeb mistoqsija li saritlu mid-Deputata Laburista Abigail Camilleri.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Bonnici qal li l-proġett tal-MICAS huwa t-tieni proġett maġġuri li qed isir fil-qasam tal-infrastruttura kulturali f’din il-leġiżlatura. Dan hekk kif is-sena li għaddiet, ġie inawgurat ir-restawr li sar fil-Palazz tal-Gran Mastru b’investiment ta’ €40 miljun li parti sostanzjali minnhom ġew minn fondi Ewropej.

Il-Ministru Bonnici żied jispjega li l-proġett tal-MICAS – li huwa mifrux fuq medda ta’ 4,000 metru kwadru fil-Furjana li se jkunu qegħdin jingħataw lura lill-pubbliku permezz tal-kultura – il-finanzjament tiegħu ġej ukoll mill-aħħar programm ta’ fondi Ewropej.

“Bis-saħħa tat-tlestija ta’ dan il-proġett inkunu għalaqna l-kullana ta’ proġetti kultura li li wettaqna taħt il-programm l-antik. Bil-programm il-ġdid għandna żewġ prijoritajiet – Villa Guardamangia u l-Culture Hub fil-Marsa,” tenna l-Ministru Bonnici.

Huwa semma wkoll kif il-proġett tal-MICAS se jkun qiegħed jagħmel differenza kbira u l-fatt li nhar il-Ġimgħa “se jkollna wirja minn Joana Vasconcelos, waħda mill-aqwa artisti kontemporanji, il-fatt biss li ġiet Malta u se tinawgura l-wirja tagħha fil-ftuħ tal-MICAS turi kemm dan il-proġett diġà daħal fil-komunità artistika internazzjonali.”

“Dik hija l-viżjoni tagħna li jkollna installazzjonijiet tal-aqwa livell fil-MICAS, li nattiraw turiżmu ġdid fil-MICAS, però nqajmu aktar kuxjenza favur l-artisti Maltin. Wara din il-wirja se jkun hemm oħra minn Ray Pitre’, li huwa artist ċelebri Malti. Imbagħad ikun hemm wirijiet oħra minn artisti,” temm jgħid il-Ministru Bonnici li rringrazzja wkoll lill-komunità tal-artisti għar-rispons pożittiv tagħhom fuq dan il-proġett.

Ekonomija

Sport