Sunday, December 22, 2024

Il-Gvern id f’id mal-għaqdiet tan-negozji f’kampanja favur użu għaqli tal-enerġija

Aqra wkoll

Flimkien mal-għaqdiet tan-negozji, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża nieda kampanja ta’ informazzjoni favur l-użu effiċjenti tal-enerġija fis-settur privat. Il-kampanja, bit-tema ‘Be Efficient. Save Energy!’ ser toffri pariri siewja lill-oqsma differenti tan-negozji dwar kif jistgħu jiffrankaw l-enerġija fl-operat ta’ kuljum tagħhom.

Bil-parteċipazzjoni ta’ disa’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-setturi ekonomiċi f’pajjiżna, il-kampanja nibtet mix-xewqa tagħhom li jkunu parteċipi fil-ħidma tal-Gvern dwar il-konsum aktar għaqli tal-enerġija.

“Wara li varajna kampanja edukattiva għad-djar u inizjattivi indirizzati għas-settur pubbliku, ġejna avviċinati minn xi għaqdiet tan-negozji li wkoll riedu jagħtu s-sehem tagħhom. Dan wara li anke bħala gvern ħdimna biex nassiguraw kontijiet tal-enerġija stabbli. Għalhekk, dan il-Ministeru ħadem biex jiżviluppa kampanja ta’ informazzjoni dwar l-użu effiċjenti u sostenibbli tal-enerġija,” spjegat il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli.

F’din il-kampanja ta’ tagħrif qed jieħdu sehem l-Association of Catering Establishments; Chamber of Engineers; Gozo Business Chamber; Gozo Tourism Association; Malta Chamber of Commerce, Enterprise and Industry; Malta Chamber of SMEs; Malta Developers Association; Malta Employers’ Association u Malta Hotels and Restaurants Association.

Permezz ta’ din il-kampanja, li se tkun mifruxa fuq medda ta’ xhur, l-għaqdiet tan-negozji u l-professjonisti se jaqsmu mal-membri tagħhom suġġerimenti dwar kif jistgħu jiffrankaw l-enerġija b’metodi differenti, skont is-settur li joperaw fih. Se jiġi spjegat ukoll kif bi ftit bidliet, u b’investimenti ambjentali, iwasslu għal tnaqqis kbir fl-ispejjeż tal-enerġija u fil-carbon footprint tagħhom. Għaldaqstant, bl-użu tal-mezzi soċjali, e-newsletters u reklami televiżivi fost oħrajn, il-kampanja se tkun qed tħeġġeġ lin-negozji jingħaqdu f’din il-bidla favur operat aktar modern u sostenibbli li, fl-aħħar mill-aħħar, se jwassal għal futur aktar sostenibbli fl-użu tal-enerġija.

Is-sena 2022 kienet sena kritika għas-settur tal-enerġija fuq livell internazzjonali, bil-prezzijiet jilħqu livelli bla preċedent. F’Malta, il-gvern ħadem biex jassigura stabbiltà, bil-baġit għal din is-sena wkoll isostni dan l-impenn. Fl-istess waqt, il-Ministeru għall-Ambjent huwa kommess li jkompli jixpruna ’l quddiem il-politika u l-viżjoni favur enerġija li ġejja minn sorsi rinovabbli u investimenti favur l-effiċjenza u teknoloġiji sostenibbli. Dan jinkludi skemi varji operati minn entitajiet differenti fi ħdan l-istess ministeru.

“B’din il-kampanja qed inwasslu lin-negozji pariri tekniċi mfassla minn uffiċjali tekniċi fis-settur privat stess. Nemmnu li wara dak li rajna s-sena li għaddiet f’ħafna pajjiżi madwarna, kulħadd jifhem l-importanza li nsiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Aktar tagħrif dwar din il-kampanja jista’ jinkiseb mis-siti tal-assoċjazzjonijiet li qed jieħdu sehem.

Ekonomija

Sport