Sunday, December 22, 2024

Il-Gvern jappella dwar żewġ sentenzi tal-Qorti fejn kien ġie ordnat iħallas aktar minn 111-il miljun ewro

Aqra wkoll

Il-Gvern illum ippreżenta żewġ appelli minn żewġ sentenzi tal-Qorti li bejniethom huwa ġie ordnat iħallas €111,164,900 lis-sidien tal-eks ishma tan-National Bank of Malta li kien għalaq fl-1973. Fl-appelli l-Gvern sostna li l-intervent tiegħu biex isalva l-attività bankarja tan-National Bank billi din titkompla minn bank ieħor, kien meħtieġ biex jiġi evitat diżastru fl-ekonomija u t-telf tad-depożiti tad-depożitanti u tal-faċilitajiet bankarji u l-impiegi li kien isostni l-istess bank.

Il-Gvern ilmenta li għad li l-Qorti kienet irrikonoxxiet dan fis-sentenzi appellati, l-istess sentenzi xorta adottaw viżjoni negattiva u imponew kastig fuq il-finanzi pubbliċi llum talli ġie evitat diżastru ekonomiku fl-1973, qiesu dak li sar kien ħażin u ma jmissux sar. Il-Gvern jerġa’ jissenjala li n-National Bank kien bank li kien jieħu riskji li ma kienx jiflaħ għalihom u li kellu 40% tal-portafoll tas-self tiegħu ma jitħallasx meta kien dovut.

Fl-1972, in-National Bank kien ukoll sofra telf ta’ kapital u ta’ depożiti tal-banek l-oħra iżda fl-1973, il-bank ma setax jikkontrolla l-ġbid mgħaġġel u intensiv ta’ flus u kieku ma intervjeniex il-Gvern bi flus il-poplu, in-National Bank falla. L-azzjonisti ma kinux disposti li jinvestu flushom biex jikkapitalizzaw il-bank u lanqas ma kien hemm il-kundizzjonijiet meħtieġa biex il-Bank Ċentrali jaġixxi ta’ Lender of Last Resort li fi kwalunkwe każ qatt ma jista’ jwaqqaf ‘depositor run’- anzi l-fatt li jsir magħruf li ngħatat faċilità ta’ ‘Lender of Last Resort’ jwassal biex in-nies iżjed jiġbdu flushom.. Il-Gvern indika li kienu s-sidien tan-National Bank stess li kienu stednuh biex jieħu l-bank f’idejh għax dan kien fl-interess tagħhom ukoll biex b’hekk huma ma tilfux id-depożiti u l-faċilitajiet li kellhom mal-bank.

Fl-appelli l-Gvern ilmenta li l-Qorti kienet imxiet biss fuq espert wieħed u ma qisitx ix-xogħol ta’ esperta oħra minkejja li rrikonoxxiet li x-xogħol tagħha kien validu u ma kkritikatux. Dik l-esperta kienet ikkonkludiet li l-ishma tan-National Bank fl-1973 ma kellhom ebda valur u li l-bank kien insolventi. Kieku l-bank tħalla waħdu fl-1973 kien sempliċiment ifalli u jġib diżastru. Fl-appell, il-Gvern ilmenta wkoll mill-fatt li x-shareholders kienu fetħu dawn il-kawżi biss wara tmintax-il sena u allura wara li kien serrħu rashom mill-faċilitajiet tal-bank, bis-saħħa tal-Gvern. Fl-appelli l-Gvern għalhekk issottometta li l-Qorti setgħet ċaħdet il-kawżi ukoll għax il-ħsieb warajhom kien abbużiv. B’kollox il-Gvern ressaq disa’ aggravji dwar kull sentenza appellata.

Ekonomija

Sport