Sunday, December 22, 2024

Il-gwerra fl-Etjopja: In-NU twaqqaf l-għajnuna tal-ikel wara li r-ribelli Tigray serqu żewġ imħażen

Aqra wkoll

Il-Programm Dinji tal-Ikel (WFP) issospenda t-tqassim tal-ikel għal żewġt ibliet fit-Tramuntana tal-Etjopja wara li persuni armati daħlu fl-imħażen u ħadu l-provvisti li kien hemm maħżuna. In-Nazzjonijiet Uniti qalet li persuni mill-forzi tar-ribelli Tigray heddew lill-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja billi ppuntaw l-armi tan-nar lejhom. Sussegwentament huma serqu kwantitajiet kbar ta’ provvisti ta’ ikel essenzjali – li parti minnhom kien se jingħataw lil tfal li qed isforu minn ġuħ u nuqqas kbir ta’ nutrijenti. 

It-Tramuntana tal-Etjopja qiegħed jiffaċċja ġuħ kbir u dan hekk kif kompla jissokta l-ġlied bejn il-forzi ta’ Tigray u dawk tal-Gvern. Wara iktar minn sena ta’ ġlied, huwa smat li iktar minn disa’ miljun persuna jinsabu bi bżonn urġenti ta’ provvisti ta’ ikel, speċjalment fir-reġjuni ta’ Tigray, Amhara u Afar. Kelliemi għan-Nazzjonijiet Uniti, li tmexxi l-WFP, qal li l-ħaddiema esperjenzaw “intimidazzjoni estrema” waqt jiem ta’ serq li kien hemm mill-hub industrijali ta’ Kombolcha f’Amhara. Il-kelliemi tenna li atti bħal dan fuq ħaddiema minn forzi armati mhumiex aċċettabbli. Dawn huma atti li jimminaw l-abbiltà tan-Nazzjonijiet Uniti u s-sħab umanitarji tagħha milli jwasslu l-għajnuna lil dawk l-iktar fil-bżonn. 

Fid-dawl ta’ dan l-inċident, il-WFP kellha tieħu d-deċiżjoni li twaqqaf it-tqas­sim tal-ikel f’Kombolcha u Dessie, żewġt ibliet strateġiċi ġewwa Amhara li tinsab fit-triq arterjali li tagħti għall-kapitali Addis Ababa. Min-naħa tagħhom, ir-ribelli tat-Tigray ma taw l-ebda kumment dwar dan. 

Riċentament il-gvern tal-Etjopja ħabbar li reġa’ rebaħ numru ta’ bliet minn idejn ir-ribelli Tigray iżda r-ribelli qalu li din kienet mossa strateġika min-naħa tagħhom u huma ma sofrew l-ebda telf. 

Ekonomija

Sport