Il-GWU tfakkar il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali u Pink October b’inizjattivi favur il-benesseri u s-solidarjetà

Sessjoni ta’ yoga għall-impjegati flimkien ma’ inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi b’risq persuni fil-bżonn

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU) organizzat attività għall-impjegati tagħha biex tfakkar il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali u Pink October, b’enfasi fuq l-importanza tal-benesseri fiżika u mentali, il-prevenzjoni u s-solidarjetà ma’ persuni li jeħtieġu l-appoġġ tal-komunità.

L-attività ġiet organizzata bil-għan li titqajjem aktar kuxjenza dwar l-importanza li l-ħaddiema jieħdu ħsieb saħħithom, filwaqt li jingħata kontribut konkret lil inizjattivi soċjali.

Bħala parti mill-programm, ġiet organizzata sessjoni ta’ yoga mmexxija mill-kollega Kendrick Bondin.

Is-sessjoni tat opportunità lill-impjegati jiddedikaw ħin għar-rilassament u l-benesseri tagħhom. Permezz ta’ eżerċizzji ħfief, tekniki u movimenti sempliċi, il-parteċipanti setgħu jiffokaw fuq l-importanza tal-mistrieħ mentali, it-tnaqqis tal-istress u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali.

Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tal-GWU li tkompli tippromwovi ambjenti tax-xogħol li jagħtu prijorità mhux biss lis-saħħa fiżika, iżda wkoll lis-saħħa mentali u lill-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema.

Wara s-sessjoni, ġiet organizzata attività oħra, din id-darba ta’ ġbir ta’ fondi b’rabta ma’ Pink October. Permezz ta’ donazzjonijiet mill-impjegati, l-inizjattiva kellha l-għan li tiġbor fondi biex jingħata appoġġ lill-organizzazzjoni mhux governattiva Marigold, li tgħin persuni li jkunu għaddejin minn ċirkostanzi diffiċli. 

Fl-istess waqt, il-GWU qed tappoġġja wkoll il-kampanja “Give a Bra”, inizjattiva li għandha l-għan li tiġbor bras ġodda jew użati iżda f’kundizzjoni tajba, biex jitqassmu lil nisa li jgħixu f’xelters madwar Malta. Din il-kampanja qed tagħti wkoll opportunità lil dawk li jixtiequ jikkontribwixxu permezz ta’ donazzjonijiet finanzjarji għax-xiri ta’ bras ġodda.

Iż-żewġ inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi qed jitmexxew separatament, biex kull kontribuzzjoni tintuża għall-għan speċifiku tagħha. Fi tmiem l-attività l-impjegati ngħataw xi ħelu marbut mal-okkażjoni offruti lilna minn Croce Bonaci.

Permezz ta’ dawn l-attivitajiet, il-GWU qed tkompli twassal il-messaġġ li l-benesseri tal-ħaddiema u r-responsabbiltà soċjali għandhom jimxu id f’id. Filwaqt li tkompli bil-ħidma tagħha favur id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, il-Union tibqa’ impenjata li tħeġġeġ kultura ta’ solidarjetà, għarfien u appoġġ reċiproku.

GWU – Appoġġ li jmur lil hinn mill-post tax-xogħol.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport