Raġel li ma jaħdimx u m’għandux indirizz fiss tressaq fil-Qorti mixli b’serq u attentat ta’ serq, li allegatament twettqu bejn it-2 u l-14 t’Ottubru. Fil-Qorti nstema’ kif il-Pulizija tal-Ħamrun kienet irċeviet numru ta’ rapporti dwar serqiet minn vetturi f’Tal-Pietà u l-Ħamrun, b’ħafna mill-każi jseħħu f’toroq qrib xulxin.
L-investigaturi stabbilixxew li l-inċidenti kienu jsegwu l-istess modus operandi, fejn il-ħalliel allegatament kien ikisser il-ħġieġ tal-vetturi sabiex jisraq oġġetti ta’ valur li kienu jitħallew fihom. Dan wassal biex il-pulizija jidentifikaw lis-suspettat bħala Jonathan Coleiro ta’ 41 sena.
Minbarra l-akkużi dwar serq, l-imputat kien mixli b’pussess illegali ta’ arma ppuntata, li wettaq reat waqt li kien taħt ordni ta’ probaton u li kien riċediv. Coleiro wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih iżda baqa’ jinżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.
L-Ispettur Miriam Lia u l-Avukat Clive Aquilina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukat Thomas Sant deher bħala avukat tal-għajnuna legali għall-akkużat.

