Wednesday, April 30, 2025

IL-GWU TIĊĊELEBRA JUM IL-ĦADDIEM

“Nibnu futur fuq il-qawwa, l-għaqda u d-dinjità tal-ħaddiema” - is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’messaġġ li għadda s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, huwa qal illi frażi li hija ħafna għal qalbu hi li “Malta hi repubblika demokratika bbażata fuq ix-xogħol u fuq ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem”.

Is-Sur Bugeja qal li f’dan il-jum iddedikat lill-ħaddiema, il-GWU tingħaqad mal-moviment tat-trejdunjins dinjija biex niċċelebraw il-ħidma u s-sagrifiċċji ta’ kull ħaddiem. Niċċelebraw il-kisbiet li saru matul is-snin fosthom id-dritt tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, il-liġi dwar il-ħaddiema tal-pjattaforma, il-liġi dwar il-ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur, kull ftehim kollettiv, il-ġustizzja u l-mobilità soċjali. Niċċelebraw ukoll is-salvagwardja tal-Workers’ Memorial Building.

“Illum, qed niċċelebraw ir-rebħa storika u sinifikanti fl-istorja tal-GWU  u tal-moviment tal-ħaddiema – l-emenda fil-kuntratt tal-Workers’ Memorial Building. Suċċess li ksibna kollha flimkien. Rebħa li hija xhieda tar-reżiljenza kollettiva tagħna, tal-għaqda, u l-impenn sħiħ ta’ kull uffiċċjal ta’ din il-unjon lejn kull ħaddiem ta’ pajjiżna,” qal is-Sur Bugeja. “Huwa mument li fih rajna l-Gvern tal-ġurnata li għaraf is-servizz li tagħti l-General Workers’ Union lejn il-ħaddiema kollha u s-soċjetà Maltija.”

F’dan kollu, u fuq il-passat mibni fuq il-ħidma kollettiva ta’ kull ħaddiem, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li nħarsu lejn ġejjieni imsejjes fuq xogħol dinjituż, pagi xierqa u kundizzjonijiet mill-aqwa. Jeħtieġ li t-tkabbir ekonomiku li qed tesperjenza Malta jissarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar. Madanakollu ma nistgħux ninjoraw il-kwistjonijiet urġenti li qed ikomplu jolqtu lill-klassi tal-ħaddiema, kemm hawn Malta kif ukoll madwar id-dinja.

Is-Sur Bugeja qal li l-GWU tilqa’ b’sodisfazzjon il-Viżjoni Malta 2050. Talba li l-GWU kienet ilha tisħaq fuqha sa mill-2008. Qal li l-GWU lesta tipparteċipa b’mod attiv sabiex l-għanijiet ta’ din il-viżjoni jissarrfu f’titjib konkret fuq il-postijiet ta-xogħol għaliex flimkien kapaċi noħolqu futur fejn il-progress ekonomiku, il-mobilità soċjali u l-ġustizzja soċjali jimxu id f’id.

Sida oħra li għamel referenza għaliha s-Segretarju Ġenerali tal-GWU hija dik tal-ħaddiema barranin fejn diversi minn dawn il-ħaddiema qed jiffaċċjaw abbużi u sfruttament minn min iħaddimhom. Għalhekk bħala GWU ninsabu disposti li nieħdu sehem b’mod attiv fl-implimentazzjoni tal-Malta Labour Migration Policy. “Dan huwa essenzjali biex noħolqu soċjetà aktar ekwa, inklussiva u ugwali.”

“F’dawn l-aħħar ġimgħat, fil-Qorti rajna l-każ xokkanti tal-ħaddiema tal-pjattaforma. Ħaddiema li ġew sfruttati u abbużati. Il-maġġoranza ta’ dawn kumpaniji tressqu l-Qorti bi ksur tal-liġi li tirregola dawn il-ħaddiema. Ħafna minn dawn il-kumpaniji ammettew li abbużaw u sfruttaw dawn il-ħaddiema. Din hija realtà ġdida tas-suq tax-xogħol li rridu nindirizzaw b’kuraġġ u ġustizzja.

“Il-GWU tinsisti li ħaddiema huma kollha ugwali, kemm jekk jaħdmu minn uffiċċju, minn fabbrika, jew permezz ta’ app fuq telefon. U bħal ħaddiema l-oħra kollha, għandhom id-dritt għal paga xierqa, kundizzjonijiet diċenti, protezzjoni soċjali, u rispett. L-għodda diġitali m’għandhiex tintuża biex tiċħad id-drittijiet fundamentali. Is-sentenza tal-Qorti f’dan il-każ trid tibgħat messaġġ ċar: l-isfruttament, f’kull forma tiegħu, m’għandux post fis-soċjetà tagħna,” qal is-Sur Bugeja.

Huwa enfasizza wkoll it-twemmin aktar minn qatt qabel tal-GWU li huwa essenzjali li tidħol fis-seħħ il-liġi dwar is-sħubija awtomatika fi trade unjon tal-għażla tal-ħaddiem. Dan biex ikun żgurat li kulħadd jieħu ħlas xieraq, li jkun protett fuq il-post tax-xogħol u li jkollu kundizzjonijiet tajba.  

Dwar is-saħħa mentali, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li kull ħaddiem għandu dritt għal ambjent tax-xogħol li mhux biss jipproteġih minn riskji fiżiċi, imma wkoll li jħares is-saħħa emozzjonali u mentali tiegħu. 

Fir-rigward tal-Avviż Legali dwar ħlas ugwali għall-istess xogħol, li daħal fis-seħħ fil-bidu ta’ din is-sena, qal li bħala GWU jinsabu f’diskussjonijiet intensivi mal-Gvern biex jaraw dak li hemm fil-liġi jsarraf fil-konkret. 

Fost l-iżviluppi importanti fil-qasam tax-xogħol, is-sena dieħla ser tidħol fis-seħħ id-Direttiva Ewropea dwar it-Trasparenza fil-Pagi – pass storiku lejn aktar ġustizzja u ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol. Din id-direttiva tħares lejn dak li ilu wisq jinħeba: id-differenzi fil-pagi bejn nisa u rġiel.

“Issa, min iħaddem ikollhom joffru aktar trasparenza fuq kif jiġu stabbiliti l-pagi, jagħtu aċċess għall-informazzjoni u jikkoreġu inugwaljanzi. Dan ma jfissirx biss ġustizzja għan-nisa, imma għal kull ħaddiem li għal raġuni jew oħra, kien qed jaqla’ inqas għal xogħol ugwali jew simili. Il-ħin tal-ħabi għadda, issa l-waqt għal trasparenza u rispett.

“Dan mhux mument ta’ riflessjoni biss, iżda wkoll ta’ azzjoni. Irridu nassiguraw li r-riformi li għaddejjin fid-dinja tax-xogħol u fil-pajjiż ikunu osservati u kulħadd igawdi l-protezzjoni li jistħoqqlu bħala ħaddiem,” qal is-Sur Bugeja. 

Magħqudin għal Futur Ġust

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja temm jgħid lif’dan l-1 ta’ Mejju, għandna naffermaw mill-ġdid li l-ħaddiema huma l-qalb tan-nazzjon Malti u kif is-solidarjetà, ir-reżiljenza, u l-bżulija bnew dan in-nazzjon. 

“Bil-ħidma ta’ kulħadd nistgħu niżguraw futur ta’ prosperità kollettiva. Flimkien, permezz ta’ djalogu soċjali sod u negozjar kollettiv, irridu niżguraw li kull ħaddiem igawdi dinjità, drittijiet, u opportunità – illum u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport