Friday, April 19, 2024

“Il-ħeġġa li nagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ min jiflaħ l-inqas katalista fil-qasam tal-housing”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Għamilna strateġija ta’ allokazzjonijiet, sena wara sena bl-akbar investiment li qatt sar fl-istorja tal-housing f’Malta, sabiex inkunu nafu l-miri tagħna ta’ fejn irridu naslu. Il-mira tagħna hi li kull sena nkomplu neradikaw il-lista ta’ stennija għall-housing li ilha 30 sena għaddejja f’pajjiżna.

“Il-lista ta’ stennija bħalissa naqset għal 1,321 persuna, l-inqas darba li qatt kellna fl-istorja ta’ pajjiżna. Is-sena d-dieħla se jidħlu aktar stokk ta’ appartamenti u l-mira tagħna hi li nnaqsu dik il-lista għal inqas minn 800 persuna, u fis-sena ta’ wara nerġgħu nnaqsuha biex il-mira tagħna tinżel għal 400.”

Dan qalu l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes meta fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi tal-budget għall-Ministeru li tiegħu huwa responsabbli. Budget li ra l-allokazzjoni ta’ €40 miljun għas-settur tal-housing.

Il-Ministru Galdes qal li l-ħeġġa li nagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ min jiflaħ l-inqas kienet katalista fil-qasam tal-housing li għamlet id-differenza kollha. “Differenza li fissret rivoluzzjoni, minn ‘management by crises’ għal ‘management by design’. Sistema ta’ housing li tifhem il-bżonnijiet u tindirizzahom b’mod speċjalizzat.”

Huwa qal li dan seta’ jsir wara eżerċizzju wiesgħa ta’ profiling fejn iltaqgħu mal-applikanti kollha fil-lista tal-akkomodazzjoni soċjali. “Fhimna l-isfidi u l-aspirazzjonijiet tagħhom u minn hemm bdejna nintervjenu b’mod aktar speċifiku u nieħdu miżuri precentivi wkoll.

Huwa żied jenfasizza li se jkollna appartamenti aktar minn kemm se jkollna nies fuq il-lista ta’ stennija. Qal li: “dik hi d-differenza meta l-politika tkun mibnija fuq l-imħabba lejn in-nies. Din hi l-bidla l-kbira. Budget li ntuża biex allokajna f’dawn l-aħħar tliet snin 700 dar li ilkoll saru familja għal ħafna individwi partikolari. 

Dwar każi ta’ fejn jista’ jkun hemm abbuż u fejn appartament ikun qed jintuża ħażin, il-Ministru Galdes qal li permezz tat-tim ta’ infurzar fi ħdan l-Awtorità tad-Djar jinbeda proċess minnufih għax fi kliemu mhux ġust li ħaddieħor iċaħħad lil min hu vulnerabbli minn akkomodazzjoni partikolari.

Huwa tenna wkoll li: “emminna li d-djar battala kienu parti mis-soluzzjoni fl-akkomodazzjoni u ħadna wkoll inizjattiva għar-restawr u riġenerazzjoni ta’ numru ta’ djar.”

Sport