Tuesday, April 16, 2024

‘IL-ĦELA’ TA’ BERNARD GRECH

Aqra wkoll

Aħna nemmnu li meta l-pajjiż ikun f’diffikultà mhux talli ma tmurx għall-politika t’awsterità, imma huwa d-dmir tal-Gvern li jgħin f’dak il-mument ta’ diffikultà u jwieżen lill-poplu. B’dan f’moħħna ressaqna budget mimli miżuri essenzjali u neċessarji f’dan il-mument ta’ rkupru hekk kif għadna kemm għaddejna miż-żmien iebes tal-pandemija.

Bħal kull sena, minkejja dan iż-żmien diffiċli ressaqna budget ta’ kontinwità fejn żammejna l-appuntament mal-anzjani u żidnielhom għal darb’oħra l-pensjoni tagħhom. Għal sena oħra ġie allokat budget sabiex jinqatgħu l-inġustizzji. L-istess ħsieb ġie addottat meta ġie estiż is-servizz ta’ childcare b’xejn. Miżura li rajnieha titwettaq fil-prattika u li ħalliet impatt pożittiv fil-familji tagħna.

Ħamsa u disgħin elf pensjonant tal-irtirar, tar-romol, tal-invalidità u dawk li jirċievu l-pensjoni mhux kontributorja tal-età ser jibbenefikaw minn żieda ta’ €260 fis-sena jew €5 fil-ġimgħa bi €3.25 hija ż-żieda addizzjonali.

Dan ifisser li biż-żieda fil-pensjoni u ż-żieda fis-supplimentari, ħafna pensjonanti ser jaraw żieda ta’ ’l fuq minn €500 fis-sena. Żieda ekwivalenti ta’ ċekk ieħor tal-pensjoni matul is-sena.

Ser nagħtu żieda ta’ €150 fil-bonus annwali għal persuni li laħqu l-età tal-irtirar iżda ma jikkwalifikawx għall-pensjoni għax ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet.

Is-sahha li dejjem kienet ta’ prijorita’ ghal dan il-Gvern, dan il-budget fost iktar beneficcji, jinkludi wkoll mediċini ġodda għat-trattament tal-Fibromajalġja li minnhom jibbenefikaw madwar 2,600 ruħ.

Gvern Laburista li l-bażi tiegħu huwa l-prinċipju tas-solidarjetà ħaseb biex jgħin lil min l-iktar li qiegħed ibati. Lil dawn li għaddejjin b’diffikulta, dan il-Gvern daħal għalihom u se joffrilhom mezzi biex itaffilhom mit-tbatijiet tagħhom.

F’dan il-budget spikkaw l-ammont ta’ miżuri ntiżi biex jgħinu lill-persuni b’diżabilità. Fost miżuri oħrajn tħabbret żieda fl-Allowance għal tfal b’Diżabilità b’€5 li tammonta d-doppju ta’ dik li kienet titħallas fl-2013.  

Laqgħatni f’dan il-budget, miżura soċjali ndirizzata lejn dawk it-tfal li ċ-ċirkustanzi jpoġġuhom f’sitwazzjoni ta’ faqar. Minkejja li naqas, il-faqar għadu magħna. Għalhekk ser inkunu qed nagħtu għotja ta’ madwar €10,000 fis-sena lil kull kap ta’ skola tal-istat biex jieħdu ħsieb li t-tfal ma jkunux neqsin minn affarijiet bażiċi bħall-ikel jew riżorsi oħra. Dawn il-flus ser ikunu qed jiġu mħaddma mill-kapijiet tal-iskejjel stess skond kif b’mod professjonali jħossu li għandu jsir l-aħjar.

Problema li ilna ngħixuha s-snin hija l-akkomodazzjoni soċjali li l-Partit Laburista sab ma’ wiċċu hekk kif ħa l-Gvern f’idejh. Wara li sar ħafna xogħol, dan il-budget ħa ħsieb li jtaffi din il-problema billi matul is-sena li ġejja madwar sitt mitt familja ser jiġu allokati dar permezz tal-iskema Nikru Biex Nassistu.

Paripassu ma’ dan, il-Gvern ħabbar diversi benefiċċji oħra bi traħħis fir-rata ta’ taxxa bin-nofs fuq il-bejgħ jew ix-xiri tal-propjetà u f’kazijiet oħra ma titħallasx taxxa fuq il-bejgħ u x-xiri. Irrid insemmi wkoll l-għajnuna li qed noffru fuq il-polza tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja lil persuni li minħabba kundizzjonijiet mediċi li sofrew fil-passat inkella diżabilità li jgħixu biha, ma kinux qed jingħataw u għaldaqstant ma setgħux isiru sidien ta’ darhom.

Pajjiżna m’għandux riżorsi naturali jew minerali.  Avvanzajna maż-żmien bil-ħila u l-kapaċità tal-ħaddiem Malti u Għawdxi. Ghalhekk l-investiment fil-kapital uman huwa essenzjali biex inzidu l-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza li jkollu l-ħaddiem. 

Altru milli hu budget ta’ ħela kif ħareġ jgħidilna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Għal dawk il-ħaddiema li għandhom paga bażika li ma teċċedix l-€20,000, li jaħdmu filghaxija, bix-shift jew fil-weekends, mis-sena d-dieħla, ser jibdew jircievu €150 f’in-work benefit fis-sena. 

Miżura soċjali oħra hi li s-sena d-diehla se nnaqqsu r-rata tat-taxxa fuq id-dħul għal 15%, lil dawk il-ħaddiema li l-paga bażika tagħhom ma teċċedix €20,000 fis-sena u li ma għandhomx pożizzjoni maniġerjali, fuq l-ewwel €10,000 dħul mill-overtime.

Dan il-Gvern ser iwettaq wegħda elettorali oħra fejn ser ikompli jippremja lill-bieżel. Il-part-timers ser jibbenefikaw minn tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul minn 15% għal 10%. 

L-istudenti ukoll ħsibna fihom billi se nżidulhom l-istipendju b’10% u min minnhom jaħdem sa massimu ta’ 25 siegħa fil-ġimgħa ser jibqa’ jirċievi l-istupendju in toto. 

Ser isir investiment fl-edukazzjoni, billi ssir promozzjoni u inċentivi biex nattiraw industrija novattiva sabiex jikbru b’karrieri ġodda fl-iżvilupp tal-logħob diġitali, videogames u esports.

Personalment, ilqajt bi pjaċir il-proposta ambjentali li hemm maħsubha fir-raba’ distrett fejn ser nikkontesta l-elezzjoni ġenerali. Huwa pjanat li l-grawnd tas-Schreiber f’Pace Grasso jinbidel fi spazju miftuħ għall-komunità, spazju edukattiv kif ukoll ser jitħawlu mijiet ta’ siġar, arbuxelli u pjanti ornamentali.

Proposti u mizuri hemm bil-bosta u huwa impossibli li jien nsemmi kollox f’dan l-artiklu. Persważ li smajtu ħafna minnhom ukoll fuq mezzi oħra. L-appell tiegħi huwa wieħed li tersqu lejn il-politiku sabiex tiċċekjaw il-każ tagħkom u bħali jkunu jistgħu jiggwidawkom aħjar. L-għajnuna qiegħda hemm u disponibli għalikom. 

Persważ li bħali taqblu li dan huwa budget soċjali li b’mod għaqli pajjiżna għandu bżonn proprju f’dan iż-żmien partikolari. Pajjiżi barranin li huma ikbar minna, m’humiex fis-sitwazzjoni vantaġġjuża tagħna. Dan il-Gvern qiegħed jerfa’ l-piż man-nies biex l-ekonomija ma jkolliex staġnar u bil-mod il-mod nerġgħu niġu għan-normal.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista huwa maqtugħ mir-realtà meta jgħid li dan huwa budget ta’ ħela. Fil-verità Bernard Grech u sħabu ma ħarġux jikkritikaw il-miżuri imma ħarġu bl-istess retorika negattiva biex  jattakkaw lill-Gvern b’mod vag ħafna. Però, l-poplu huwa inteliġenti biżżejjed biex jiżen u jgħarbel liż-żewġ partiti u jinduna min huwa serju u onest. Min għandu pjan u min le.

Dan huwa Gvern li għandu viżjoni ċara ta’ fejn irid jasal. Il-qalb tal-Prim Ministru li dejjem tħabbat għal Malta tagħna u li taspira li nkunu dejjem fost l-aqwa pajjiżi fid-dinja. Fuq kollox politika għan-nies li toffri livell aħjar tal-għejxien tiegħu. Dan il-budget għaraf jinkludi kull aspett u kull faxxa tas-soċjetà sabiex f’dan iż-żmien ta’ rkupru nkunu preparati u lesti għaż-żmien li ġej. Proprju għalhekk il-Partit Laburista huwa l-unika għażla b’mod naturali tal-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Ħadd it-tajjeb.

Ekonomija

Sport