Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex ippubblikat id-dokument tagħha bl-isem “A Strategic Framework for Gozo’s Economic Resilience and Future Development”, li fih qed tressaq il-proposti ewlenin tagħha għal Għawdex fid-dawl tal-Elezzjoni Ġenerali li jmiss. Il-Kamra temmen li l-kampanja elettorali m’għandhiex issir kompetizzjoni dwar min iwiegħed l-aktar għal Għawdex, iżda għandha timmarka bidla deċiżiva fil-mod kif il-gżira tiġi mħarsa, ippjanata u mmexxija. Għawdex għandu jiġi rikonoxxut bħala gżira reġjun, bir-realtajiet soċjoekonomiċi tiegħu, bl-isfidi strutturali tiegħu, u bil-ħtiġijiet tiegħu ta’ żvilupp fit-tul. Għaldaqstant, il-Kamra temmen li l-leġiżlatura li jmiss għandha tiffoka fuq tliet impenji ċari: governanza reġjonali aktar b’saħħitha għal Għawdex, qafas integrat għall-aċċessibbiltà u l-loġistika, u strateġija strutturata ta’ diversifikazzjoni ekonomika bbażata fuq l-innovazzjoni, l-intrapriża u l-istart-ups.
Il-Kamra temmen li l-proposti mressqa fid-dokument tagħha mhumiex miżuri iżolati. Huma elementi interkonnessi ta’ mudell wieħed ta’ żvilupp. L-investiment fl-aċċessibbiltà u l-loġistika huwa meħtieġ biex tissaħħaħ ir-reżiljenza ta’ Għawdex u jiġu appoġġjati n-negozji u lħaddiema. Fl-istess waqt, id-diversifikazzjoni ekonomika hija meħtieġa biex jinħolqu opportunitajiet ġodda, jinżamm it-talent żagħżugħ, jiġi attirat investiment b’valur miżjud ogħla u titnaqqas id-dipendenza fuq ftit setturi ekonomiċi.
Għaldaqstant, il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex ħeġġet lill-partiti politiċi kollha u lil dawk li jfasslu l-politika sabiex ipoġġu l-iżvilupp sostenibbli fit-tul ta’ Għawdex fiċ-ċentru tad-dibattitu nazzjonali. Għawdex għandu bżonn viżjoni ċara, vuċi reġjonali aktar b’saħħitha, pjan ta’ implimentazzjoni kredibbli, u impenn sostnut biex jiġi żgurat li l-futur ekonomiku tiegħu jinbena fuq ir-reżiljenza, id-diversifikazzjoni, l-aċċessibbiltà, l-innovazzjoni, il-kwalità tal-ħajja u mudell ta’ governanza li jirrifletti r-realtà distinta ta’ Għawdex bħala gżira.


