Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, immarka l-ftehim li ssiġilla u għamel realtà l-ħolma tal-poplu Malti u Għawdxi, dik li Manoel Island u Forti Tigné jerġgħu lura għand il-poplu.
Permezz tal-ftehim milħuq bejn il-Gvern u MIDI plc, dawn is-siti ta’ importanza storika u nazzjonali se jgħaddu taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta.
Il-Prim Ministru ddeskriva dan il-mument bħala wieħed storiku.
Huwa saħaq li l-Gvern se jkun qed jagħmel bidliet fil-pjan lokali biex jiżgura li ma jkunx jista’ jsir żvilupp f’Manoel Island, u b’hekk din iż-żona tibqa’ mħarsa għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Żied jgħid li minn hawn ’il quddiem se jkun qed jissokta proċess din iż-żona tiġi trasformata f’park nazzjonali mfassal fuq ix-xewqat tal-Maltin u l-Għawdxin. Park nazzjonali li jippriserva u joħroġ l-aspett naturali tal-pajsaġġi u l-bajjiet, filwaqt li jieħu ħsieb ukoll il-wirt storiku li jinsab f’Manoel Island.
Dr Abela stqarr li matul il-proċess ta’ konsultazzjoni kien hemm eluf ta’ sottomissjonijiet mill-Maltin u l-Għawdxin dwar dak li jixtiequ għal dan is-sit. “In-nies iridu proġett li jieħu ħsieb il-pajsaġġ, fejn jirbaħ dejjem il-benefiċċju tal-pubbliku u naraw li jkun hawn aċċessibbiltà totali għall-poplu tagħna,” qal Dr Abela.
Huwa żied jgħid li fil-leġiżlatura li jmiss, it-tliet parks nazzjonali, jiġifieri dawk ta’ Manoel Island, White Rocks u Fort Campbell, se jkunu prijorità, u stqarr li dan huwa wieħed mill-aqwa legat li dan il-Gvern se jħalli għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-Prim Ministru temm jgħid li b’din id-deċiżjoni l-Gvern poġġa s-saħħa u l-ħin tan-nies qabel il-flus, “xi ħaġa li stajna nagħmlu għax illum għandna ekonomija b’saħħitha u stabbiltà, li rridu nibnu fuqhom fis-snin li ġejjin biex inkunu nistgħu nieħdu iktar deċiżjonijiet bħal dawn,” saħaq Dr Abela.
Sabiex din il-viżjoni tal-Gvern titwettaq b’suċċess, Heritage Malta se tkompli taħdem f’koordinazzjoni mill-qrib ma’ entitajiet governattivi oħra u mal-partijiet interessati kollha, sabiex jitfassal mudell ta’ mmaniġġjar li jirrispetta l-identità unika ta’ Manoel Island u Forti Tigné u jwieġeb għall-aspettattivi tal-poplu Malti.


