Il-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech akkuża lill-Prim Ministru Robert Abela li qed jixtri l-iskiet tan-nies meta joffrilhom karigi mħallsin mit-taxxi tal-poplu.
Hu qal dan waqt intervent telefoniku fuq il-mezzi tal-Partit, il-Kap Nazzjonalista. Sostna li l-Partit Nazzjonalista sar il-Gvern alternattiv fejn jara li ċ-ċittadini jkunu prijorità u jingħata dak li jixraqlu, fosthom fl-edukazzjoni, l-ambjent, is-saħħa u l-enerġija.
Skont Grech, il-Prim Ministru Abela xtara s-silenzju ta’ Jason Micallef meta poġġih fuq il-Ministri kollha u anke xtara s-silenzju ta’ Randolph Debattista meta offrilu rwol ta’ Ambaxxatur.
Waqt l-istess intervista Dr Grech qal li l-PN m’għandux fiduċja fil-Ministru Byron Camilleri għax skont hu għandu jerfa’ r-responsabbilità għal dak li qed iseħħ fid-dipartiment tal-karti tal-identità.
Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Abela mhux qiegħed fit-tmun tal-pajjiż u “minħabba li hu dgħajjef qed jipprova jmexxi bil-ponn tal-ħadid u jifred biex isaltan.”
Hu kompla jakkuża lill-Gvern li mhux qiegħed iffukat fuq dak li għandu bżonn il-poplu.
Kompla jgħid li l-Partit Nazzjonalista mexxi minnu għandu pjan ċar għal kull settur fejn il-bniedem ikun prijorità. Fl-istess intervista Dr Grech naqas milli jgħid x’inhu dan il-pjan u kif se jaħdem f’każ li l-Partit Nazzjonalista jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Min-naħa l-oħra semma kif il-Partit Nazzjonalista għandu pjan ċar għal kull settur fejn il-bniedem ikun prijorità. Spjega li l-pjan tal-Partit Nazzjonalista hu bi prijoirta’ fl-oqsma tal-enerġija, is-saħħa l-ambjent u l-edukazzjoni. Fost oħrajn semma li Gvern Nazzjonalista jordna assessjar tas-sistemi infrastrutturali tal-pajjiż.
Wiegħed li fl-ewwel 100 ġurnata Gvern Nazzjonalista jwettaq konferenza nazzjonali b’rabta mal-popolazzjoni; jimplimenta is-soluzzjonijiet kollha li ssuġġerixa lill-Gvern biex tkun indirizzata l-għoli tal-ħajja, idaħħal liġi fil-kostituzzjoni biex l-ambjent isir dritt fundamentali, jgħaddi sett ta’ liġijiet biex ikunu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u jaħdem biex jinġiebu lura l-€400 miljun li qal nsterqu mill-poplu Malti fil-ftehim ma’ Vitals.