Il-kap, Christian Horner, tat-team tal-Formula Wieħed Red Bull, qed jiġi investigat wara li tressaq ilment ta’ imġieba mhux xierqa kontrih.
Ir-Red Bull qalu li ħadu l-allegazzjonijiet “b’serjetà kbira” u bdiet investigazzjoni.
Horner, li għandu 50 sena, issorvelja l-istaġun 2023 li kiser ir-rekords tar-Red Bull li fih it-twm rebaħ 21 minn 22 tiġrija hekk kif Max Verstappen kiseb it-tielet titlu mondjali tiegħu.
Horner “ċaħad għal kollox” l-allegazzjonijiet kontrih.
Għalkemm ir-Red Bull ma kkonfermawx in-natura tal-ilment, hu mifhum li t-talbiet huma relatati ma’ allegazzjoni ta’ mġiba mhux xierqa ta’ natura ta’ kontroll.
“Wara li saret taf b’ċerti allegazzjonijiet riċenti, il-kumpanija nediet investigazzjoni indipendenti,” qalu r-Red Bull fi stqarrija.
“Dan il-proċess, li jinsab għaddej, qed isir minn avukat estern speċjalizzat. Il-kumpanija tieħu dawn il-kwistjonijiet b’serjetà kbira u l-investigazzjoni se titlesta malajr kemm jista’ jkun. Ma jkunx xieraq li t-team jikkummenta aktar f’dan iż-żmien .”
Mistoqsi dwar dawn l-allegazzjonijiet Horner qal: “Jien niċħad kompletament dawn l-allegazzjonijiet.”
Horner kien il-kap tat-team tar-Red Bull sa minn meta bdew fuq il-grid tal-F1, fl-2005, fejn rebaħ seba’ kampjonati tas-sewwieqa u sitt kampjonati tal-kostrutturi mat-team.
Wara li rċieva OBE fl-2013, il-Brittaniku Horner inħatar CBE fil-lista tal-Unuri tas-Sena l-Ewwel, is-sena li għaddiet, wara li r-Red Bull rebħu l-Grands prix kollha ħlief wieħed fl-istaġun tal-2023.
Horner iżżewweġ lil Spice Girl, Geri Halliwell, f’Bedfordshire fl-2015.
Ir-Red Bull għandhom iniedu l-aħħar karozza tagħhom fil-15 ta’ Frar qabel l-istaġun il-ġdid li jibda fil-Bahrain, fit-2 ta’ Marzu.