Sunday, October 27, 2024

IL-KAŻ TA’ KYLE RITTENHOUSE

Aqra wkoll

Jekk kien hemm każ li qanqal l-interess fl-Istati Uniti u anke lil hinn, dan il-każ indubjament kien ta’ Kyle Rittenhouse; ġuvni ta’ sbatax-il sena li s-sena li għaddiet, fl-2020, spara fuq tlieta min-nies fil-belt ta’ Kenosha ġewwa Wisconsin waqt protesti u rvellijiet wara li ġie attakkat.  Tnejn minn tlieta minn dawn id-dimostranti spiċċaw biex mietu, konsegwenza tat-tiri ta’ Rittenhouse.

Fl-aħħar xhur kienu ħafna li ddiskutew l-ambitu ta’ dan il-każ, b’uħud jgħidu li kien hemm mibgħeda razzjali involuta. Il-verita’ madanakollu hi li l-vittmi ma kinux ta’ karnaġġjon skur, jew ġejjin minn xi minorita’. Kienu pero’ dimostranti li qed jipparteċipaw fi protesti u irvellijiet li kienu qed iseħħu minħabba l-qtil ta’ persuna oħra mill-pulizija; b’din il-persuna (Jacob Blake) tkun ta’ karnaġġjon skur.

Il-kwistjoni madanakollu, kienet waħda: dan kien każ ta’ qtil b’intenzjoni, jew inkella każ ta’ dak li nsejħulu self-defence? Jien li segwejt il-ġuri, nista’ ngħid li kien impossibbli li Rittenhouse jinstab ħati lil hinn mid-dubju, speċjalment meta ġiet ippreżentata evidenza li turi biċ-ċar li hu kien attakkat jew intimidat mill-vittmi tiegħu f’kull istanza. 

Issib ħafna nies li jgħidulek li dan il-każ kellhu jintuża biex jintbgħat messaġġ politiku. Ma naqbilx ma’ din l-analiżi. Il-messaġġi politiċi ma jintbgħatux b’każijiet kriminali, li dejjem għandhom jiġu deċiżi abbażi tal-merti. Dan biex ma ngħidux ukoll li l-ġurija laħqet deċiżjoni unanima, jiġifieri l-ġurati kollha qablu bejniethom wara li raw l-evidenza, li Rittenhouse ma’ kienx ħati.

Biss f’dan kollhu xorta ssib min jgħidlek li Rittenhouse ma kienx mingħajr ħtija. Ngħiduha kif inhi, id-deċiżjoni li tifel ta’ sbatax-il sena jmur fil-komunita’ fejn kiber bi xkubetta semi-awtomatika waqt irvellijiet ma’ kinitx f’waqta, u tista’ tissejjaħ bħala stupida. Deċiżjoni stupida pero’, ma twassalx għal ħtija kriminali. Il-fatt li Rittenhouse mar ġewwa Kenosha bi xkubetta, ma jfissirx li dik hija skuża biex jiġi attakkat, għax wara kollox li kien qed jagħmel kien kollox skont il-liġi.

Aktar ma’ dan jiġi rikonoxxut malajr, aktar l-Amerka tkun tista’ timxi ‘l quddiem minn dan il-każ. Fl-aħħar nett nemmen li jekk il-kritiċi ta’ Rittenhouse se jibqgħu ma jaċċettawx dan il-verdett, ser ikunu huma li jagħmlu “eroj” minnhu għal-lemin estrem; xi ħaġa li trid tiġi evitata akkost ta’ kollox. Nittama biss li Rittenhouse għandu biżżejjed melħ f’moħħu biex ma jippużax bħala eroj ta’ kawżi estremi. Li hu żgur hu, li hemm diġà min qed jipprova jużaħ għall-iskopijiet tiegħu. Bħalma qal l-avukat tiegħu ftit wara l-każ; irid ikun hu li lil dawn in-nies jifqilhom u jgħidilhom le.

Sport