Sunday, July 5, 2026

“Il-klima qed turi sinjali ċari ta’ bidla”- Gordon Grech mis-sit l-Aġġornament tat-Temp

Aqra wkoll

Il-klima qiegħda turi sinjali ċari ta’ bidla.” Hekk iddikjara Gordon Grech, mis-sit l-Aġġornament tat-Temp mal-ġurnal it-Torċa meta mitlub jikkummenta dwar is-sħana tremenda li qiegħda tħalli effetti kbar kemm fuq l-Ewropa u anke fuq Malta.

Ma’ dan il-ġurnal Grech jgħid li t-tmep f’Malta hu tipikament Mediterranju: sjuf twal, sħan u niexfa filwaqt li jkollna xtiewi relattivament bi ġranet b’inqas xita. L-aktar xhur bix-xita huma bejn Ottubru u Marzu. Dwar ir-riħ Grech jgħidilna li riħ qawwi dejjem jiddomina temp xitwi f’pajjiżna.

Nistaqsuh dwar is-sitwazzjoni ta’ sħana tremenda li qiegħda taffettwa l-ġżejjer Maltin. Hawn Grech jispjega li l-klima qed issir aktar sħuna, aktar niexfa u aktar suxxettibbli għal estremi tat-temp.

“Skont analiżi li nagħmlu nsibu li bejn l-1952 u l-2020 t-temperaturi massimi medji f’Malta żdiedu b’madwar 1.54 Gradi C, filwaqt li t-temperaturi minimi medji żdiedu b’madwar 1.37 Gradi C… filwaqt li fl-istess perjodu x-xita naqset b’aktar minn 71mm.”

Is-Sajf qed jinħass aktar qawwi

Gordon Grech mill-Aġ­ġornament tat-Temp jitkellem ma’ it-Torċa dwar sajf b’temp aktar estrem. 

Grech jgħidilna li dan qiegħed jinħass b’mod aktar qawwi fejn Ġunju, Lulju u Awwissu qegħdin ikunu xhur dejjem aktar sħan, b’aktar ġranet fejn it-temperatura taqbeż in-normal u b’perjodi ta’ heatwaves aktar frekwenti u intensi.

“Dan jista’ jwassal għal maltempati fiċ-ċentru tal-Mediterran… Pereżempju fis-sajf tal-2024, il-Malta Met Office rraporta li t-tliet xhur kollha tas-sajf kienu mill-inqas 1.6 Gradi C aktar sħan min-norma klimatika u t-temperatura tal-baħar kienet ukoll ogħla min-normal,” jgħidilna Gordon Grech.

“Din l-analiżi hija riflessa wkoll fid-data li niġbor jien personali u ta’ min jirrimarka li fis-sena 2025, Ġunju kien ukoll aktar sħun u niexef mis-soltu b’temperatura medja ta’ 26.3 Gradi C u mingħajr xita rreġistrata. Bażikament nistgħu ngħidu l-istess għal Ġunju ta’ din is-sena, fejn kien ferm aktar sħun u ferm aktar xott mis-snin li għaddew,” ikompli jispjega Grech.

Il-baħar qiegħed jisħon

Waqt li konna qegħdin nitkellmu ma’ Gordon Grech, stajna ninnutaw il-passjoni kbira li għandu għat-temp u dak kollu li jġib miegħu. 

Għalkemm dan mhux ix-xogħol ta’ Grech, xorta waħda jiddedika ħafna ħin kuljum biex ikun jista’ jwassal l-aħħar aġġornamenti tat-temp lis-segwaċi tiegħu u li ħafna drabi jiġi kkwotat ukoll mill-midja lokali.

Dwar il-baħar Grech jgħidilna li din hija bidla importanti oħra li qiegħda sseħħ hekk kif il-baħar ta’ madwar pajjiżna qiegħed dejjem jisħol.

“L-NSO tindika li bejn l-1978 u l-2020 it-temperatura medja tal-baħar żdiedet b’madwar 1.89 Gradi C. Baħar aktar sħun jista’ jżid l-umdità, jagħmel l-iljieli tas-sajf aktar skomdi u jaffettwa l-ekosistemi tal-baħar, il-ħut, il-posidonia, u anke tip ta’ turiżmu… 

F’xi snin, il-Mediterran esperjenza wkoll marine heatwaves, li jfisser perjodi fejn it-temperatura tal-baħar tkun ħafna ogħla min-normal.”

Ix-xita qiegħda tinbidel ukoll

L-effetti ta’ nuqqas ta’ xita ilu jinħass żmien u dan qiegħed jitfa’ problemi f’diversi setturi fil-pajjiż fosthom fil-bidja. Nistaqsu lil Grech biex naraw x’inhi s-sitwazzjoni tax-xita f’pajjiżna.

Jgħidilna bla tlaqlieq li x-xita wkoll qed tinbidel ukoll. 

“Għalkemm Malta dejjem kellha sjuf niexfa, issa qed tidher tendenza lejn inqas xita fuq sena sħiħa u perjodi itwal ta’ nixfa. Rapport tal-Energy and Water Agency jindika li bejn l-2008 u l-2024, il-medja annwali tax-xita kienet madwar 17% inqas mill-medja fit-tul. 

Is-sena idroloġika 2023-2024 kienet l-aktar niexfa fir-rekords riċenti. Dan għandu impatt dirett fuq il-bidja, il-ġibjuni, l-ilma ta’ taħt l-art, il-ġonna, u l-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-ilma,” ikompli jtenni Grech.

Sitwazzjoni ġenerali

Gordon Grech jgħid li b’mod ġenerali, is-sjuf f’Malta qed isiru aktar twal, aktar sħan u aktar niexfa. “Dan ifisser aktar riskju ta’ għejja mis-sħana, pressjoni fuq persuni vulnerabbli, aktar domanda għall-arja kkundizzjonata, aktar konsum tal-enerġija u sfidi akbar għall-ambjent naturali. 

“Il-bidla fil-klima għalhekk mhix xi ħaġa ‘l bogħod minn Malta… hija realtà li diġà qiegħda tinħass sew fil-ħajja ta’ kuljum, speċjalment matul ix-xhur tas-sajf,” itemm jgħidilna Gordon Grech mis-Sit l-Aġġornament tat-Temp.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport