“It-tema hi l-kredibilità fis-suġġett. Kredibilità li tgħaqqad mal-konsistenza. Aħna dejjem konna konsistenti. Dejjem nemmnu li l-miżura tas-sostenn fil-qasam tal-enerġija kienet primarja biex bqajna nkabbru l-ekonomija, biex bqajna nnaqqsu d-defiċit, biex saħħaħna l-finanzi tal-pajjiż u biex saħħaħna l-qagħda tal-familji tagħna.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela meta kien qed iwieġeb mistoqsija ta’ L-Orizzont b’rabta mal-proposta li ressaq il-Partit Nazzjonalista dwar il-qasam tal-enerġija, dik li jraħħas il-prezz tad-dawl bi 30%.
Dr Abela beda biex qal li kollox idur mal-kredibiltà. Kredibilità ta’ kif kien aġixxa ħaddieħor meta kien rinfaċċat bi kriżi li fiċ-ċokon tagħha lanqas biss tikkumpara ma’ dak li għaddejna minnu waqt pandemija, fl-2022 għal darbtejn u l-aktar għal dak li għaddejjin minnu bħalissa fis-suq tal-enerġija.
Il-Prim Ministru nnota li filwaqt li ħaddieħor kien aġixxa billi sploda ’l fuq il-kontijiet u ta ħames bozoz, dan il-Gvern – meta affaċċjat bi kriżi wara l-oħra bla preċedent – il-finanzi tal-pajjiż immbolizzahom kollha wara n-negozji, wara l-familji u kien u għadu t-tarka ta’ kulħadd sal-lum il-ġurnata.
Huwa semma wkoll kif pajjiżi oħra huma milquta bi prezzijiet tal-fjuwils u tad-dawl li qed jogħtru lill-familji u n-negozji mentri f’Malta, ilha tingħata stabbiltà sħiħa għal dawn l-aħħar snin.
“F’pandemija raħħasna l-prezz tal-fjuwils. Żammejnieh bl-istess mod. 12-il sena ilu raħħasna d-dawl u żammejnieh bl-istess mod. Dik hi l-kredibilità li fuq kollox kapaċi tmexxi l-ekonomija ’l quddiem, kapaċi tibqa’ żżomm il-finanzi tal-pajjiż fis-sod, li tagħtik il-garanzija ta’ serħan il-moħħ, ta’ fiduċja, ta’ stabbiltà u ta’ konsistenza,” tenna l-Prim Ministru.
“Aħna biss għandna l-kompetenza, il-ħila, il-kredibilità li dak kollu li nwiegħdu nafu li kapaċi nagħmluh u l-garanzija tagħna f’dan is-settur hi l-preċedent li kellna fl-aktar snin ta’ sfida fejn konna konsistenti u tajna tarka assoluta lill-poplu tagħna.
“Jekk niġu fdati, nerġa’ nagħti din il-garanzija li la se jogħla prezz tad-dawl, la se jogħla l-prezz tal-ilma, la se jogħla l-prezz tal-petrol u d-dijżil u lanqas se jogħla l-prezz tal-gass. Dik hi garanzija assoluta li magħha żidna pjan ċar għall-futur ta’ pajjiżna. Nedejneh il-Ħamis li għadda mdawwar madwar garanzija tal-provvista, stabbiltà fil-prezzijiet, madwar li nsaħħu sehem tar-rinovabbli f’pajjiżna biex intellgħuh għal 25% sas-sena 2030. Fix-xhur li ġejjin ninstallaw it-tieni interconnector, nibqgħu għaddejjin fl-implimentazzjoni u fl-ippjanar għat-tielet interconnector. Inħarsu lejn proġetti bħal dawk tar-riħ ’il barra mill-ibħra territorjali tagħna.
“Huwa b’dan il-mod metodiku u ppjanat li aħna biss nistgħu noffru kredibilità f’dan is-suq,” temm jgħid il-Prim Ministru.


