Il-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) qed jagħti l-kontribut tiegħu għall-proġett Erasmus+ SAFE HARBOUR, inizjattiva innovattiva li nbdiet fl-1 ta’ Jannar 2025 biex ittejjeb il-ħarsien fl-isport Ewropew.
Dan il-proġett, li se jkompli sa’ Ġunju tal-2027, jiġbor flimkien 27 imsieħba, inkluż il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI), żewġ Federazzjonijiet Internazzjonali, 20 Kumitat Olimpiku Nazzjonali (KON), u esperti ewlenin bħall-Università Thomas More u l-Istitut Asser.
Din l-inizjattiva, appoġġjata mill-UE, għandha l-għan li tipprovdi lill-organizzazzjonijiet sportivi bi strateġiji effettivi, programmi ta’ taħriġ, u qafas ta’ rispons biex jiġġieldu l-fastidju u l-abbuż fl-isport.
Il-proġett SAFE HARBOUR ġie uffiċjalment imniedi aktar kmieni din is-sena fi Brussell b’laqgħa tal-ftuħ ikkoordinata mill-Uffiċċju tal-UE tal-Kumitati Olimpiċi Ewropej (KOE) u ko-finanzjata minn Erasmus+.
B’rappreżentanza tal-Kumitat Olimpiku Malti f’dan l-avveniment kruċjali kien hemm Charlene Attard, Direttur tal-Isport, u Eleanor Bezzina, Kap tal-Kummissjoni tal-Atleti. Il-parteċipazzjoni tagħhom tenfasizza l-impenn ta’ Malta biex tipproteġi lill-atleti u tippromwovi ambjent sportiv aktar sigur.
Matul dan l-avveniment ta’ jumejn, il-parteċipanti ħadu sehem f’preżentazzjonijiet immexxija minn esperti, diskussjonijiet f’panels, u workshops li taw ħarsa lejn l-ewwel fażi tal-proġett.
L-aġenda inkludiet reviżjoni dettaljata tal-qagħda preżenti tal-ħarsien, strateġiji Ewropej u globali, kif ukoll tħassib ewlieni, b’intervent dirett minn rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea. Diskussjonijiet ulterjuri ffokaw fuq l-aħjar prattiċi, l-istruttura tal-partijiet interessati, u diskussjoni dwar l-objettivi tal-proġett.
Il-proġett SAFE HARBOUR jirrappreżenta pass sinifikanti lejn qafas Ewropew magħqud għall-ħarsien fl-isport, u jiżgura li l-organizzazzjonijiet sportivi madwar il-kontinent ikunu ktar ippreparati biex jipprevjenu u jirrispondu għal kwistjonijiet relatati ma’ dan is-suġġett. Permezz tal-involviment tiegħu, il-Kumitat Olimpiku Malti għandu l-għan li jmexxi bidla pożittiva fil-protezzjoni tal-atleti u jikkontribwixxi biex tinħoloq kultura sportiva aktar sigura u inklużiva.
Għal aktar informazzjoni u aġġornamenti, żur is-sit elettroniku SAFE HARBOUR: https://www.euoffice.eurolympic.org/safe-harbour/