Wednesday, October 30, 2024

Il-Malti ma jieħux gost jiġi użat mill-politiċi

Aqra wkoll

Il-Malti japprezza li n-nies jaqrawh kull nhar ta’ Ħadd, jieħu gost ikun ta’ spalla u vuċi għal ħuħ Malti ieħor u fuq kollox iħossu onorat li jiġi kwotat. Iżda l-Malti ma jaċċettax li kliemu jiġi manipulat, ma jieħux gost jiġi użat fl-ispin u f’argumenti ta’ min m’għandu xejn x’jgħid ħlief li jikkwota kliem ta’ ħaddieħor.

Il-Malti s-soltu joqgħod attent ħafna kif jesprimi lilu nnifsu biex ma jidhirx partiġġjan għax fil-verità l-vuċi tal-Malti hi waħda kollettiva, mhux Malti Laburist jew Malti Nazzjonalist iżda jirrappreżenta kull Malti li joqod f’dawn il-gżejjer li tant iħobb lil pajjiżu. Din id-darba l-Malti però huwa rrabjat għax ġie użat u kien diżrispettat, hekk kif ma ġewx diskussi l-argumenti tiegħu iżda ġie kwotat biss għal konvenjenza tal-politiku.

Il-Malti jiġi kwotat

Din il-ġimgħa l-Malti ġie kwotat f’dibatitu politiku minn esponent tal-Partit Nazzjonalista. Il-Malti ma setax jifhem kif mill-punti kollha li ssemmew fl-artiklu tal-Ħadd l-għadda, l-unika punt relevanti għal oppożizzjoni kienet l-introduzzjoni. Qisu l-politiku jisma’ lil Malti biss meta hu konvenjenti għalih, mhux biex vera jifhem x’qed jgħid. Juża l-vuċi tal-Malti biss biex jidher sabiħ fuq it-televiżjoni. 

L-introduzzjoni biss kienet komda li jikkwota, ma rax l-artiklu fit-totalita tiegħu hekk kif ma kkummentax bħala oppożizzjoni kieku jkunu fil-Gvern liema direzzjoni jieħdu lil Malta, jekk jipprivatizzawx l-isptarijiet jew inkella jdaħħlux klawsola lill-konsulenti biex iwaqqfu x-xogħol privat tagħhom, jew forsi ħarġu b’xi proposta huma li biha jsolvu l-waiting lists. 

Oppożizzjoni bla direzzjoni

Ma kkumentax għax din hija Oppożizzjoni bla direzzjoni li tikkritika biss iżda tikkontribwixxi qatt. Dan il-Malti jafu, u elezzjoni wara oħra dejjem qed jidher aktar ċar. Ħafna nies mhux imorru jivvutaw u ferm aktar nies qed jippreferu jagħtu l-vot tagħhom lil indipendenti milli jivvutaw lil Partit Nazzjonalista. Huwa normali fil-politika li wara ċertu żmien il-Partit li jkollu l-gvern f’idejh jibda jnaqqas, iżda huwa ferm aktar normali li dak in-nuqqas is-soltu jgawdi minnu l-Partit fl-oppożizzjoni. Din id-darba pero l-istorja hija differenti, hekk kif il-partit fl-oppożizzjoni baqa’ l-istess, jitlef b’ distakk li Malta qatt ma rat bħalu qabel l-2013. 

Il-Partit Nazzjonalista ma ħax il-voti li naqqas il-Partit Laburista u l-Malti jista’ jifhem għaliex.

Il-Malti jaf li l-Oppożizzjoni nieqsa mill-ideat u l-ħsieb

Faċli tikkwota, tmaqdar u tkun papagall mingħajr ma tagħti ebda kontribut. Il-Malti dera li ħafna mill-politiċi tal-oppożizzjoni jmorru dibatitti biex jargumentaw, jgħajtu u ġieli jgħaddu xi battuti però rari jsemmu l-viżjoni li għandhom għal Malti u l-miżuri li jridu jimplementaw biex dik il-viżjoni ssir realta u Malta verament tkun aħjar. Din probabbilment hija r-raġuni li l-udjenza li qabel kienet issegwi l-programmi ta’ diskussjoni dejjem qed tonqos. 

Il-Malti jafhom bl-amment dawn it-tip ta’ programmi hekk kif id-diskussjoni dejjem ikollha l-istess format; il-Partit fil-Gvern jgħid x’qed jagħmel u l-miżuri li qed jimplimenta, l-oppożizzjoni tmaqdar u tgħid li ma taqbilx, okkażżjonalment tgħid li taqbel imma mhux biżżejjed, fin-nofs ikun hemm ftit għajjat u storbju u l-programm jispiċċa bi grazzi. 

Dawn it-tip ta’ programmi jirriflettu s-sitwazzjoni politika li pajjiżna qiegħed fiha. Il-Malti xeba’ għax kontenut ma baqax, u dak il-Malti li ma jridx isegwi huwa l-Malti li l-vot tiegħu mhu garantit għall-ebda partit. 

Issa, la l-Malti daħħluh f’din id-diskussjoni anki hu għandu mistoqsija u se jistenna tweġiba mingħand il-Partit Nazzjonalista, b’mod speċjali l-kelliem tal-oppożizzjoni għas-saħħa s-sur Adrian Delia, li qisu jsegwi din il-gazzetta u l-Malti. Kieku hemm il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern x’deċiżjoni tieħdu għas-saħħa f’Malta; tipprivatizzawhom l-isptarijiet jew idaħħlu klawżola għal konsulenti biex ma jaħdmux xogħol privat, hemm xi proposti li bihom se ssolvu l-waiting lists?

Sport