Monday, May 13, 2024

“Il-midja soċjali saret sikkina”

Il-preżentatur Etienne Schembri ddispjaċut għal żufjett fil-konfront ta’ parteċipanti li rrispondew ħażin…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Illum il-midja soċjali saret sikkina. Sikkina misnuna tajjeb tista’ tqatta’ biha l-itjeb furnata ħobż imma biha tista’ wkoll tinfed bniedem u tħallih għall mewt. Minn furnata ħobż jista’ jmissek kisra u tqarmiċa mxappa fiż-żejt bnin taż-żebbuġa imma, minn nifda f’ġisem ta’ bniedem iċċappas idejk bid-demm. Biss, tista’ u forsi taħseb, li tkun sirt xi eroj”. 

Dan huwa l-kliem ta’ dispjaċir minn Etienne Schembri, il-preżentatur tal-kwiżż televiżiv “Wonderball”, il-programm li dan l-aħħar kien fuq fomm ħafna minħabba xi żbalji fir-risposti ta’ konkorrenti. Sfortunatament, kien hemm min reħilha jiżżufjetta mingħajr kuxjenza lil dawn il-parteċipanti fuq il-midja soċjali. Schembri f’intervista ma’ dan is-sit qal li huwa mweġġa’ u mħasseb sew b’tali attiduni u ried iqajjem kuxjenza dwar perikli serji li jistgħu jiġu kkawżati minn tali kummenti u żufjett. 

Huwa beda biex qalilna li, “meta wieħed jikkontempla dwar il-metafora ‘magħġun hekk minn twelidu’, inkunu nistgħu nifhmu aktar li aħna dak li aħna llum għax hekk ġejna mrobbijin jew inkella forsi wkoll għax il-ġenetika tagħna taħdem fina b’ tali mod. Metafora oħra hija ‘għax l-eżempju jkaxkar’ u dan ifisser li allura aħna nagħmlu jew nirreaġixxu skond kif trabbejna, l-ambjent li għexna fih jew kif rajna lill ħaddieħor jagħmel.  Dan kollu huwa dak kollu li jsawwar il-karattru tagħna”.

Il-karattru tar-razza

Dan il-preżentatur qal li ġenituri jew kuraturi li jrabbu lit-tfal iħobbu l-futboll, disa’ u disgħin fil-mija li t-tfal jinbet fihom id-delizju tal-logħob tal-ballun. Tfal li trabbew fl-imaħażen tal-arti karnivaleska, uliedhom ikollhom namur mal-istess arti, bħalma huma dawk mużikali, sportivi, edukattivi u kull namur u xogħol ieħor. 

“Biżżejjed wieħed jistudja karattru ta’ razza. Dan għax wieħed kapaċi jsib li pereżempju ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni jkollom l-istess mistier bħal biex nagħti eżempju familji li jkollom numru ta’ għalliema, oħrajn jaħdmu fil-qasam tal-mediċina u saħansitra vokazzjonijiet reliġjużi fost abbiltajiet oħra,” spjega Schembri.

Fil-fatt huwa stqarr li apparti li bħala tifel kien impressjonat ħafna mill-familja tiegħu għall-empatija li jħaddan, kien ukoll impressjonat minn ċertu personalitajiet televiżivi u radjofoniċi li permezz tagħhom jista’ jagħti l-każ, li minn età żgħira nibet fih in-namur lejn ix-xogħol tal-midja. 

Spjegalna li, “kont żgħir u niftakar għand in-nanna u d-dar dejjem nisimgħu r-rediffiusion li f’daqqa waħda sar radju u l-ilħna ta’ Joe Quattromani, Charles Abela Mizzi, Charles Arrigo u Ray Mahoney, li kienu jimpressjonawni l-aktar meta nismagħhom b’ mod naturali jesprimu vuċijiet u ilħna differenti u bil-mod ta’ kif jużaw it-tonalità tagħhom, iġegħluna mhux biss nisimgħu, imma kważi wkoll naraw. Kien jimpressjonani wkoll il-ġurnalist Frank Ghio u dan għall-fatt li bintu Marion kienet fl-istess klassi miegħi u fuq l-istess bank tal-injam li llum saru storja, fejn qisu l-bieraħ niftakarha tgħidilna x’kien se jilbes missierha biex jaqra l-aħabarijiet televiżivi tat-tmienja u l-immaġinazzjoni tiegħi dik il-għaxija kienet tbiddili l-iskrin iswed u abjad f’wieħed tal-kulur (xi ħaġa li Malta ħadd qatt ma kien għadu twebbel biha). Dan huwa l-ambjent li jien għext ta’ tfuliti li sawwarni u li jien illum”.

Il-pandemonju riċenti…

Tul il-karriera pubblika tiegħu Etienne Schembri kien afdat jipproduċi bosta programmi kemm fuq tema kurjuża, kulturali, leġġeri u anke informattivi għat-televiżjoni. Barra minnhekk huwa għamel qari ta’ dokumentarji, rumanzi u self tal-vuċi għat-televiżjoni u r-radju. 

Tul l-aħħar tliet skedi huwa ppreżenta il-kwiżż “Wonderball”, programm ta’ sett mistoqsijiet li kif spejgalna, “xi drabi l-fortuna tista’ jew tidħaklek u tagħtik mistoqsijiet li jkunu faċli jew inkella, mistoqsijiet li jkunu ftit aktar diffiċli”. 

Il-pandemonju riċenti nqala’ wara li fi programm partikolari par mill-konkorrenti wieġbu ħażin għal mistoqsija. Hawn Schembri staqsa, “x’ġara!? Waqgħet id-Dinja? Biddilna l-Istorja!? Għalija ma ġara xejn u sempliċiment wieġbu ħażin. Ma nidħolx fil-mertu ta’ x’kapaċitajiet kellhom il-konkorrenti għax jekk nieħdu dan il-kejl, allura jeħtieġ ukoll li nidħlu fil-merti ta’ x’emaptija għandhom dawk li għajruhom injoranti, x’tagħlim tawhom il-ġenituri tagħhom, dawn li hekk li jsejħu lilhom innfushom intelletwali kemm jafu jargumentaw u kemm jafu huma”. 

Żufjett wara testiera

Schembri nnota li kien hemm uħud li sa waslu biex qalu li dan jiġri minħabba s-sistema edukattiva ħażina li għandna fil-pajjiż. Kompla li, “imma għal ġieħna, ħafna minn dawn ma ndunawx li huma tal-istess snin u studjaw l-istess kurrikulu? Biss li l-konkorrenti tgħallmu jipparteċipaw waqt li huma tgħallmu jintefgħu wara testiera ta’ kompjuter jiżżufjettaw b’ħaddieħor. Jien għalija nagħżel l-ewwel wieħed”.

Dan il-preżentatur sostna li llum il-ġurnata “il-mezzi soċjali dgħajfuna mis-saħħa fiżika. Spiċċa ż-żmien li kulħadd kien ikun barra bilqegħda fuq il-bankina mitfuh minn tulu jilgħaq xi ġelat. Spiċċa ż-żmien li konna nerħula lejn il-pjazez u spiċċat il-pika ta’ min se jmur l-aħħar id-dar qisu biex nuru li tant aħna bullijiet li lanqas in-ngħas ma jirkibna”. 

“Intfajna wara testiera ta’ kompjuter jew fuq il-mowbajl ngħaffġu żaqqna, innaqqru u nixorbu, nipproduċu kolestrol u zokkor aktar milli hemm bżonn u erħilna nikkritikaw, niddieħku b’ħaddieħor u nuru x’saħħa ta’ negattiviżmu għandna. Nuru x’gazz għandna li ma nafux inkunu empatiċi u nkunu tolleranti. Sirna nifhmu f’kollox, saħansitra aktar minn dawk li gradwaw fil-qasam”

Etienne Schembri

Schembri nsista li llum ħafna minna ntfajna wara testiera ta’ kompjuter jew fuq il-mowbajl “ngħaffġu żaqqna, innaqqru u nixorbu, nipproduċu kolestrol u zokkor aktar milli hemm bżonn u erħilna nikkritikaw, niddieħku b’ħaddieħor u nuru x’saħħa ta’ negattiviżmu għandna. Nuru x’gazz għandna li ma nafux inkunu empatiċi u nkunu tolleranti. Sirna nifhmu f’kollox, saħansitra aktar minn dawk li gradwaw fil-qasam”. 

Għal aktar lajks u wċuħ jiddieħku…

Dan il-preżentatur qal ukoll li tgħallimna nikkritikaw u niżżufjettaw b’mod oriġinali ħalli fuq Facebook ikollna ħafna lajks u wċuħ jiddieħku. “Imma ta’ bilħaqq tagħlimna xi ħaġa oħra – li meta nisimgħu li xi ħadd tant frustrawlu ħajjtu li neħħiha b’idejh stess, imbaghad hemmekk insiru il-brow u s-sis. Biex inlaqqtu xi zewġ lajks u qlub ngħidu lill dak li jkun li aħna hawn għalih, messaġġ ‘il bogħod u kważi kważi nkun irrid ngħidu lil San Ġorg Preca biex jinżel minn hemm ħa nitla’ jien floku u li mhux se ninsa ż-żmien li qattajna flimkien l-iskola u l-mużew, kemm ixxutjajna l-ballun u għenna lill xuxlin niktbu “I must obey in class” għall xi mitt darba”. 

Il-messaġġ f’dan kollu huwa ċar. Qatt m’għandna niddieħku b’ħaddieħor sempliċiment għax għandna aċċess “kotard” online fejn il-vittma tal-kummenti mfajjra bl-addoċċ ma niffaċċjawhiex, kif ma niffaċċjawx il-konsegwenzi bħal xi traġedja. Il-prinċipju huwa sempliċi – tagħmilx lil ħaddieħor dak li ma tridx li ħaddieħor jagħmel lilek.

Sport