Sunday, December 29, 2024

Il-Ministru Byron Camilleri: “Mhux aċċettabbli min jipprova jġennen l-imħuħ bil-prattiċi foloz tiegħu”

Emendi biex issir illegali li tirreklama terapija tal-konverżjoni

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Mhux aċċettabli li għandek liġi u minflok tgħaddi mill-bieb, tipprova tgħaddi mit-tieqa. Mhux aċċettabbli min jipprova jġennen l-imħuħ bil-prattiċi foloz tiegħu. Mhux aċċettabbli min jinqeda b’Alla biex jipprova jwassal u jagħmel il-ħsara fuq ħaddieħor.

Bħala Parlament qegħdin nibagħtu dan il-messaġġ b’saħħtu.” Iddikjara dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri fil-Parlament meta komplew jiġu diskussi l-emendi biex tissaħħaħ il-liġi dwar l-affermazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru.

Il-Ministru Camilleri stqarr li fil-qasam tad-drittijiet ċivili, dan il-Gvern ħa numru ta’ deċiżjonijiet u introduċi diversi liġijiet. Qal li “urejna li l-imħabba tirbaħ fuq il-preġudizzju u li kulħadd għandu dritt li jgħix il-ħajja tiegħu jew tagħha. Urejna li nistgħu naħdmu għal soċjetà li tagħti opportunitajiet lil kulħadd.” Huwa qal li rridu nifhmu l-perikli li ġġib magħha t-terapija tal-konverżjoni fuq persuni LGBTIQ+.

Qal li għalhekk dan l-abbozz kien bżonnjuż fejn qed jiġi ċċarat x’jikkostitwixxi reklamar ta’ prattiċi ta’ konverżjoni għall-benefiċċju tal-vittmi ta’ dan ir-reat, l-awtoritajiet investigattivi u l-mod li bih ikun megħlub aħjar dan ir-reat b’mod inġenerali.

Tenna li b’dawn l-emendi, il-pubblikazzjoni, ir-reklamar, il-wiri, tixrid ta’ kull promozzjoni, ir-riferiment u ċirkolazzjoni ta’ kwalunkwe materjal li bih persuna tkun qed tirriklama jew tawtorizza reklamar għal dawn it-terapiji jkun qiegħed jikser il-liġi, jittieħdu passi kriminali, jekk il-persuna tinstab ħatja li ppromwoviet dawn it-terapiji u anke tiġi kkundannata pieni li tipprovdi għalihom il-liġi.

Il-Ministru Camilleri saħaq li mhux aċċettabbli li jsiru dawn l-affarijiet f’pajjiżna għax il-ħsara li ssir fuq persuni LGBTIQ+ tkun waħda kbira u tista’ tkun irreparabbli. “Persuni LGBTIQ+ m’għandhom bżonn l-ebda tip ta’ fejqan u l-ebda terapija.”

Ekonomija

Sport